Abbas elett mill-ġdid President tal-Palestina; jiskuża ruħu minħabba kumment

Kif kien mistenni, Mahmoud Abbas ġie elett mill-ġdid bħala President tal-istat Palestinjan, wara laqgħa ta’ erbat ijiem f’Ramallah, li fiha qamet ukoll kontroversja għal kummenti li għamel dwar l-Olokawst.
Abbas, li għandu 82 sena, aktar kmieni dil-ġimgħa qal waqt waħda minn dawn il-laqgħat li l-Olokawst kien riżultat tal-attivitajiet finanzjarji tal-Lhud, u mhux minħabba s-sentiment anti-Semitiku.
Il-kummenti tiegħu ġew ikkundannati minn Iżrael, iżda anki minn entitajiet u persuni internazzjonali oħra, bħal Federica Mogherini, ir-Rappreżentanta għall-Affarijiet Barranin tal-UE.
Min-naħa tiegħu, Abbas skuża ruħu, u qal li l-Olokawst hu l-aktar delitt faħxi tal-istorja umana, u talab biex kull min ħassu offiż jaħfirlu, għalkemm il-Ministru Iżraeljan għad-Difiża m’aċċettax l-apoloġija.
Din ma kinitx l-ewwel darba li l-mexxej Palestinjan qajjem l-irwiefen minħabba kummenti dwar l-Olokawst.
Jidher li fit-teżi li kien kiteb fit-Tmeninijiet meta kien student, kien staqsa dwar l-ammont proprju tal-mejta fl-Olokawst, u li kien hemm relazzjoni sigrieta bejn iż-Żijoniżmu u n-Naziżmu.