Abbandunat id-Derby bejn il-Beltin

Id-derby tant mistenni mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA bejn Valletta Stars u Valletta St Pauls kellu jiġi abbandunat wara xi battibekki li nqalgħu f’din il-partita.
Bl-iskor ta’ 2-1 favur l-Istars, f’azzjoni partikolari fil-50 minuta meta s-St Pauls kienu qed jattakkaw, il-linesman  issenjala offside bir-referi iżda jħalli l-logħob għaddej. Sadanittant sar fawl fil-kaxxa ta’ Valletta Stars bl-istess referi jissenjala penalty favur St Pauls.
Plejers tal-Istilel Beltin bdew jipprotestaw għal din id-deċiżjoni u wara minuti ta’ tilwim ir-referi dehrlu li għandu jabbanduna l-partita.
Hija ħasra li logħba ferm sabiħa kellha tiġi mtappna b’dan l-inċident meta kellna partita ferm akkanita bejn żewġ timijiet li ġejjin mill-Belt Kapitali.
Valletta Stars xejn ma kienu nferjuri għall-avversarji tagħhom u taw daqs kemm qalgħu kontra t-tim illi jinsab fl-ewwel post tal-klassifika.
Kienu proprju huma li fetħu l-iskor fl-ewwel taqsima meta Sean Vella għeleb lil Matthew Xerxen b’xutt tajjeb.
Valletta St Pauls pront bdew jattakkaw u rnexxielhom iġibu l-iskor indaqs meta ngħataw penalty wara fawl fil-kaxxa. Mill-ħdax-il metru kien Glenn Bonello ii għamilhom 1-1, riżultat li bih intemmet l-ewwel taqsima.
Valletta Stars spiċċaw b’raġel anqas meta lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima kellhom lil Darren Caruana mkeċċi wara karta ħamra diretta.
Fit-tieni taqsima l-logħba baqgħet bl-istess ritmu biż-żewġ timijiet jattakkaw fit-tfittxija għat-tliet punti sabiex eventwalment kienu l-Istilel Beltin illi reġgħu marru minn fuq b’gowl tajjeb ta’ Sillah Sainey.
Sabiex fil-50 minuta nqala’ dak l-inċident illi bih ġiet abbandunata l-partita wara protesti kbar fl-episodju tat-tieni penalty msaffar mir-referi.
B’hekk il-logħba ġiet abbandunata u issa mir-rapport tar-referi jiġi stabbilit x’ser ikun il-verdett ta’ din il-logħba.
F’logħba oħra illi ntlagħbet aktar qabel bejn żewġ timijiet illi kienu għadhom bla punti f’dan il-kampjonat, Fleur de Lys CFK u Santa Lucia Falcons spiċċaw fi dro ta’ 0-0.
Santa Lucia kienu l-aħjar matul l-ewwel taqsima fejn kellhom l-aktar pussess tal-ballun sabiex fit-tieni taqsima Fleur de Lys tjiebu fil-wirja tagħhom u bdew itellgħu kontrattakki perikolużi lejn il-lasti avversarji.
Minkejja dan kollu l-ebda tim ma rnexxielu jinfed id-difiża avversarji sabiex iż-żewġ timijiet ħadu l-ewwel punt tagħhom fil-kampjonat wara sensiela ta’ erba’ telfiet konsekuttivi.
KLASSIFIKA: L-Ewwel Diviżjoni – Valletta St Pauls 12, Marsa St Michael 9, Senglea Gunners, Valletta Stars 7, Sta Lucia Falcons, Fleur de Lys CFK 1

Ritratt: Warren Sammut