A Midsummer Night’s Dream għat-tfal

Chris Dingli jirritorna bix-xow popolari għat-tfal. Shakeshorts tippreżenta A Midsummer Night’s Dream.  
L-ewwel darba li ntweriet kien quddiem teatru ippakkjat waqt ZiguZajg, il-festival internazzjonali għat-tfal u ż-żgħażagħ fl-2016. Dan ix-xow popolari, li jifqa lil kulħadd bid-daħk, jeħodna fuq vjaġġ tal-aktar kummiedja popolari ta’ Shakespeare.
Mqassra u addatata għal-udjenza żgħażugħa, din il-kummiedja hija introduzzjoni perfetta għad-drammi ta’ Shakespeare, fejn it-tfal Maltin jiddevertu bl-istejjer u jiddentifikaw mat-temi u l-karattri waqt li jkabbru l-kunfidenza fil-lingwa permezz ta’ kant, pupazzi, u bluha. Produzzjoni divertenti għall-aħħar ta’ Shakespeare li qatt ma ntwera bħalu!
It-tfal mhux mistennija joqogħdu kwieti bil-qegħda, iżda se jipparteċipaw fix-xow, u partijiet mill-produzzjoni jinbidlu ma' kull rapreżentazzjoni skond kif jissugerixxu t-tfal.
Miktuba u interpretata minn Chris Dingli (bl-għajnuna ta’ wieħed jismu Willliam Shakespeare), din il-produzzjoni ta’ 40 minuta hija tajba għal tfal ta’ bejn is-7 – 13 il-sena, imma jekk irridu nkunu sincieri, il-kbar ukoll jieħdu gost!
Fi kliem omm ta’ tifla ta’ 7 snin li attendiet, “Tal-għageb! Prosit talli irnexxielkom tinkludu l-udjenza żgħażugħa kif ukoll il-kbar!”
Omm oħra ta’ tfal li l-etajiet tagħhom huma ta’ 11 u 12 il-sena qalet “It-tfal tiegħi veru ħadu pjaċir u anke jien! L-isbaħ mod kif tippreżenta lil Shakespeare. Nistennew bil-ħerqa produzzjoni krejattiva oħra”. 
Shakeshorts tipprezenta A Midsummer Night’s Dream f’ Blue Box at M Space, fl-Imsida fit-3 ta’ Novembru, bejn l-10.00am u n-12.30pm. Biljetti fuq: www.bluebox.com.mt.