A-levels: “Skont l-SMS għaddiet; skont iċ-ċertifikat weħlet”

Omm qalet li r-riżultati tal-A-levels li rċeviet bintha bl-SMS ma jaqblux ma’ dawk li rċeviet bil-posta. Il-MATSEC ikkonfermat li rċeviet ilment dwar dan.

Fuq il-midja soċjali, l-omm spjegat li filwaqt li l-SMS juri riżultat eċċellenti, il-marka fuq iċ-ċertifikat li rċeviet bil-posta kienet turi li bintha weħlet.

Ma’ Newsbook.com.mt, Direttur fl-Università ta’ Malta spjega li sal-bieraħ wara nofsinhar, il-MATSEC kienet irċeviet ilment wieħed bl-imejl, li jispjega riżultati kunfliġġenti.

Newsbook.com.mt qed jistenna informazzjoni aktar dettaljata mill-MATSEC fil-ħin li ġej.

Il-kelliem għall-MATSEC spjega li meta jiġri hekk, wieħed għandu jħares lejn ir-riżultat taċ-ċertifikat li jintbagħat bil-posta u mhux dak bl-SMS.

Għaldaqstant sostna li sitwazzjoni ta’ dan it-tip hija ferm diffiċli li sseħħ. Irrimarka li f’każ li jsir żball ġenwin, dejjem se jsir mezz li l-konklużjoni tkun favur l-istudent.

Min għandu diffikultà jew problemi bir-riżultat tal-MATSEC għandu jċempel fuq 23402814/5/6 jew jibgħat imejl fuq matsec@um.edu.mt.