993 mewt bil-Covid-19 fl-Italja; Il-Gvern se jwaqqaf l-ivvjaġġar fil-Milied

A-middle-aged-Italian-couple-wearing-face-masks-stroll-along-the-main-street-in-the-town-of-Rieti-Italy-Gabriella-Clare-Marino-coronavirus1

Read in English.

L-Italja rreġistrat rekord ta’ 993 mewt relatat mal-coronavirus fl-aħħar 24 siegħa. Din hija l-ogħla rata ta’ mwiet minn meta feġġet il-pandemija, skont il-Ministeru tas-Saħħa tal-Italja.

Madwar 347 persuna mietu kawża tal-coronavirus fil-Lombardija fl-aħħar 24 siegħa.

Kien hemm 23,225 każ ġdid ta’ coronavirus, żieda oħra fuq l-20,709 każi ġodda rreġistrati fil-jum ta’ qabel. B’kollox, minn meta feġġet il-pandemija fil-pajjiż, l-Italja rreġistrat 1,664,829 każ ta’ coronavirus. Il-virus ħasad il-ħajja ta’ 58,034 persuna.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte mistenni jindirizza lin-nazzjon illehla. Hu mistenni jgħid x’se jkunu l-miżuri l-ġodda li qed jidħlu fis-seħħ, inkluż l-ivvjaġġar fir-reġjuni matul iż-żmien tal-Milied.

Id-digriet li kien approvat mill-Kabinett, huwa l-pass tiegħu biex iwassal għat-twaqqif milli tkun ikkawżata t-tielet mewġa b’rabta mal-istaġun tal-festi. Il-moviment bejn ir-reġjuni se jkun ipprojbit mill-21 ta’ Diċembru sal-Epifanija, jiġifieri s-6 ta’ Jannar. Iċ-ċittadini mhux se jitħallew iqattgħu l-festi tagħhom fid-djar tagħhom tal-velleġjatura, skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana ANSA.

Fil-Milied, San Stiefnu u l-Ewwel tas-Sena, sorsi qed jgħidu li ċ-ċittadini mhux se jitħallew joħorġu lanqas mill-villaġġ jew il-belt ta’ residenza tagħhom.