“99% tal-vittmi tal-industrija tas-sess huma nisa u bniet”

Il-Gvern Malti qed jaħdem fuq kampanja bl-isem ta’ Human, Like You sabiex iqajjem kuxjenza dwar it-traffikar uman. Fost l-oħrajn, ktejjeb imniedi għal dan l-iskop jirrimarka li 99% tal-vittmi fl-industrija globali tas-sess huma nisa u bniet.

Ġie spjegat li t-traffikar uman huwa kriminalità internazzjonali li tinvovli miljuni ta’ rġiel, nisa u tfal li jiġu kkontrollati minn individwi oħrajn għal raġunijiet ta’ sess, xogħol jew skjavitu. Intant, it-traffikanti jagħmlu ħafna flus permezz ta’ din il-kriminalità.

Aqra: Kif tinduna li persuna hija vittma ta’ traffikar uman?

X’inhuma l-forom differenti ta’ traffikar uman?

  1. Traffikar għal raġunijiet ta’ sess: Dawn il-vittmi jiġu sfurzati biex jikkumerċjalizzaw is-sess permezz ta’ vjolenza u qerq. Il-kriminali jagħmlu reklutaġġ ta’ individwi, fil-maġġorparti nisa u bniet, sabiex ilaħħqu mad-domanda għat-talba ta’ servizzi għas-sess. Huma ħafna drabi jmorru għal vittmu li jkunu ġejjin minn familji żvantaġġjati u jwiegħduhom xogħol u kundizzjoni ta’ ħajja aħjar. Malli dawn jaċċettaw jinbigħu u jiġu sfurzati fil-prostituzzjoni u l-pornografija. It-traffikar tas-sess ġeneralment jiġri f’burdelli, massage parlours finti, ħwienet tad-divertiment għall-adulti, żoni turistiċi u akkomodazzjonijiet privati fost oħrajn.
  2. Traffikar għal raġunijiet ta’ impjieg: Dan it-tip ta’ traffikar jinvolvi l-esplojtazzjoni ta’ persuni waqt li jkunu qed jipproduċu xi prodotti jew servizzi. Dawn il-vittmi jaħdmu xogħol bi prekarjat li jikser il-liġijiet u r-regoli tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Il-ħaddiema ġeneralment jintalbu jiffirmaw kuntratt b’kundizzjonijiet inferjuri u li jekk ma jagħmlux dan jitilfu xogħolhom jew jiġu deportati. Ħafna jispiċċaw ma jkunux jistgħu jitilqu minn xogħolhom. Wieħed isib dan it-tip ta’ traffikar f’xogħolijiet meqjusa ta’ livell baxx jew xogħol temporanju bħal tindif, manifatturar, kostruzzjoni, il-qasam tas-saħħa u industriji tal-agrikultura u s-sajd.
  3. Traffikar għal raġunijiet ta’ skjavitu: Persuni li jkunu impjegati f’xogħol domestiku ħafna drabi jkunu f’riskju li jaqgħu fi skjavitu. Dan jiġri meta persuna ma jħallulhiex lok għal ħelsien personali, jispiċċaw jaħdmu sigħat twal fid-djar u jieħdu ħsieb it-tfal jew l-anzjani. Jekk min iħaddem ikun abbużiv, anke saħansitra jikkonfiskalhom id-dokumenti bħal passaport, visas u permess tax-xogħol. Dawn ġeneralment jitħaddmu bħala fattiega, nannies jew careworkers.
  4. Traffikar fuq jasar tad-dejn: Persuni jaf jaċċettaw li jħallsu lura d-dejn li jkollhom billi jaħdmu għall-persuna li ddejnu mingħandha. Ġeneralment, min ikun qed iħaddimhom jgħid li l-ispejjeż tagħhom dejjem qed jikbru u d-dejn qed jitla’ minflok jonqos sakemm jiġu f’punt li jkun impossibbli li jħallsu ċ-ċifra lura. Immigranti, per eżempju, jispiċċaw vittmi ta’ miżati tal-aġenziji illegali li mbagħad jinqatawlhom mill-paga.
  5. Traffikar tat-tfal: It-tfal ukoll jiġu esposti għat-traffikar uman. F’ċertu pajjiżi jispiċċaw skjavi sabiex jipproduċu prodotti u servizzi, xi wħud jiġu sfurzat fl-industrija tas-sess u oħrajn jinbigħu għaż-żwieġ. Minuri anke jispiċċaw traffikati biex jipparteċipaw fi kriminalità organizzata. Id-dokument jispjega kif Malta tapplika l-liġijiet tat-traffikar uman kontra dawk kollha li jesplojtaw minn minuri, anke jekk it-tfal ma jkunux suġġetti għal qerq, sfurzar jew theddid.
  6. Traffikar li jisforza persuna fi kriminalità: Vittmi ta’ traffikar uman jistgħu jiġu sfurzati sabiex jikkommettu kriminalitajiet bħal serq, jitraffikaw id-droga, jbigħu prodotti foloz u pickpocketing. Adulti, tfal u persuni b’diżabilità ġieli jintbagħtu jittalbu fit-toroq u lanqas biss jingħataw parti mill-qligħ. Id-dokument jispjega li l-liġi f’Malta ma ssibx persuna ħatja ta’ kriminalità jekk jinstab li din kienet sfurzata tagħmel din il-kriminalità.

Aqra aktar minn hawn.