99 persuna arrestati dwar droga

99 persuna, li l-età tagħhom tvarja bejn it-18 u l-45 sena, ġew arrestati mill-Pulizija dwar droga.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-arresti saru fl-aħħar ħamest ijiem b’ħidma tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga tal-Pulizija.
Dawn il-persuni nstabu fil-pussess ta’ sustanzi illegali suspettati kokaina, ekstasi, raża tal-kannabis kif ukoll ħaxixa tal-kannabis.
L-arresti saru minn diversi postijiet ta’ divertiment madwar Malta.
Ir-reati li bihom se jiġu akkużati dawn il-persuni jvarjaw minn pussess għall-użu personali sa traffikar tal-istess sustanzi.