98% ta’ min jintlaqat mill-coronavirus jgħaddilu – Prof. Charmaine Gauci

98% ta’ dawk li jintlaqtu bil-coronavirus jgħaddilhom u jkomplu jgħixu ħajjithom b’mod normali. L-indikazzjonijiet globali bbażati fuq ir-riċerka li tkun qed issir kontinwament, juru li huma 15% biss minn dawk milquta li jkollhom bżonn ta’ kura aktar definita f’faċilità medika bħal sptar. Dan qalitu Prof. Charmaine Gauci meta kienet qed tiġi intervistata fil-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103.

Profs Gauci qalet li rridu nżommu f’moħħna li s-sitwazzjoni fil-preżent f’Malta hija li m’għandna l-ebda persuna li għandha l-Coronavirus. “Bħalma għamilna minn meta feġġet il-marda tal-coronavirus CoVid-19 infurmajna b’dak kollu li kellu jingħad. Ovvjament dan kollu ħa xejra differenti meta kien hemm eskalazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Italja“.

Profs Gauci fissret li m’hemmx lok għall-alarm. Il-preparazzjonijiet li hemm bżonn isiru saru biex inkunu preparati għall-eventwalità li jkollna l-ewwel ftit każijiet bi 12-il sodda (fi struttura operativa u mhux tinda) biex il-każijiet ikunu trattati u osservati. Dr Gauci qalet li Mater Dei huwa preparat għall-pazjenti li jkollhom bżonn iktar kura jkunu jistgħu jingħataw din il-kura.

“Konxji tar-realtà li din tista’ tilħaq Malta u qed naħdmu biex nkunu preparati għall-eventwalitajiet kollha, iżda fil-mument is-sitwazzjoni hija li m’għandna ebda każ f’Malta. Wieħed irid japprezza li mhux kull każ ikun jeħtieġ li jingħata kura fi sptar. Huma 15% tal-każijiet identifikati sa issa li kellhom bżonn li jingħataw kura fi sptar”, żiedet tgħid.

Profs Gauci tkellmet fuq l-importanza li wieħed jibbaża l-informazzjoni tiegħu fuq il-fatti mingħajr ma jallarma wisq ruħu fuq il-bażi ta’ stejjer u informazzjoni falza li qed iddur fuq il-midja soċjali.

Hija saħqet ukoll li l-awtoritajiet huma kontinwament f’kuntatt mal-Unjoni Ewropea li qed jivverifikaw x’tip ta’ għajnuna kull pajjiż se jkollu fejn ikun meħtieġ u jekk ikun meħtieġ li jkun hemm riżorsi.

Hija qalet li t-taħriġ ingħata lil dawk il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li jistgħu jkunu meħtieġa jagħmlu x-xogħol tagħhom jekk ifeġġ l-ewwel każ. Se jinbeda wkoll taħriġ lit-tobba tas-saħħa pubblika u anke training dwar il-prattiċi ta’ protezzjoni lill-istess professjonisti li se jkunu qed jaħdmu fil-każ li jkun hemm bżonn.

Mistoqsija dwar il-kwistjoni tat-titjiriet mill-Italja, Profs Gauci qalet li hija linja waħda biss mill-Ewropa li waqqfet it-titjiriet minn u lejn l-Italja. Id-deċiżjoni ta’ dan it-tip trid tittieħed bl-ikbar responsabilità, kompliet tgħid.

“M’hemmx lok għall-allarm” – James Perry, Feltom” Fil-programm tkellem ukoll James Perry, Kap Eżekuttiv tal-Feltom li qal li m’hemmx lok għall-alarm fiċ-ċirkostanzi. Id-deċiżjoni li ħa l-Gvern Taljan li jwaqqaf vjaġġi ta’ studenti mill-pajjiż, kienet id-deċiżjoni tal-Gvern Taljan. Huwa appella għal kawtela fl-allarm u l-importanza li kull deċiżjoni tittieħed fuq elementi fattwali u riċerkati. Fil-preżent, is-sitwazzjoni f’ Malta hija waħda sikura u m’hemmx lok li tingħata stampa mod ieħor, kompla jgħid.