98 pannella solari installati mill-Azzjoni Kattolika

pannelli Akm

L-Azzjoni Kattolika għadha kemm installat 98 pannella solari fuq il-bejt tal-Oratorju fl-Imġarr sabiex tkompli ssaħħaħ l-ambjent sostenibbli.

Fi stqarrija l-Azzjoni Kattolika f’Malta qalet li dawn il-panelli kienu installati fuq il-bejt tal-Oratorju fl-Imġarr. Dan iċ-ċentru jintuża għal diversi attivitajiet pastorali. L-Azzjoni Kattolika qalet li dawn il-pannelli ġew installati f’post fejn ma kienx qed jintuża.

Dan huwa t-tieni proġett tal-Azzjoni Kattolika ta’ din ix-xorta. F’Birkirkara l-Azzjoni Kattolika kienet installat 38 panella solari fuq iċ-ċentru li ħafna drabi jintuża miż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK).

L-Azzjoni Kattolika Maltija stqarret li dan il-proġett huwa pass żgħir lejn dak li qed tagħmel il-Knisja u l-membri tagħha li timxi fuq dak li qal il-Papa Franġisku fil-Laudato Si.

L-Azzjoni Kattolika Maltija qalet l-għan tagħha huwa li tkun ta’ servizz lejn ħaddieħor, skont il-bżonn tas-soċjetà Maltija.