97% tnaqqis fl-għadd ta’ klijenti tal-lukandi bejn April u Ġunju – NSO

Read in English.

Meta kkumparat mal-2019, fl-2020 kien hawn tnaqqis ta’ 97% fl-għadd ta’ klijenti tal-lukandi u akkomodazzjonijiet oħrajn fil-pajjiż bejn April u Ġunju. Dan ħareġ mill-aħħar analiżi ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).

Il-figuri ppubblikati mill-NSO iħarsu lejn l-akkomodazzjoni kollettiva fil-pajjiż fit-tieni kwart tas-sena. Il-figuri implikaw li l-lukandi tħallew prattikament vojta matul ir-Rebbiegħa ta’ din is-sena, fil-perjodu fejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien magħluq għat-turiżmu.

Ikkumparat mal-istess perjodu tal-2019, in-numru ta’ persuni li għamlu booking f’lukandi jew akkomodazzjonijiet f’Malta naqas b’97%. Dan hekk kif ġew kien hemm biss total ta’ 17,151 persuna li għamlu xi booking. Intant, kien hemm tnaqqis ukoll fin-numru ta’ ljieli li b’kollox dawn il-persuni krew akkomodazzjoni fil-pajjiż. Ir-rata ta’ tnaqqis hawn kienet ta’ 97.7%, fejn b’kollox kien hemm 64,161 iljieli.

Hekk kif kien hawn permess li jsir biss turiżmu domestiku, għalkemm l-ivvjaġġar bil-vapuri tal-Gozo Channel kien ukoll ristrett, il-Gżira ta’ Għawdex għamlet suċċess akbar minn dik Maltija. Minkejja dan, in-numru totali ta’ persuni u ljieli li dawn qattgħu f’lukandi Għawdxin ukoll tnaqqas bi 87.7% u 90.2% rispettivament.

L-ammont totali ta’ persuni li għamlu użu ta’ akkommodazzjoni jew xi lukanda lokali fl-ewwel nofs tal-2020 jammonta għal 321,723 persuna, bi tnaqqis ta’ 66% meta kkumparat mal-ewwel nofs tal-2019. Meta kkumparat mas-snin ta’ qabel, l-ivvjaġġar f’Jannar u fi Frar kien sinjifikament akbar, imma kollox sfaxxa meta wasal ix-xahar ta’ Marzu u bdew deħlin ir-restrizzjonijiet.