96% tan-negozji jaħsbu li t-tieni mewġa setgħet ġiet evitata – MEA

Miguela Xuereb

96% ta’ dawk li ġew intervistati fl-istħarriġ tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) qalu li t-tieni mewġa ta’ każijiet tal-coronavirus setgħet ġiet evitata totalment jew parzjalment.

Dan ħareġ fl-istatistika dwar l-effetti tal-pandemija tal-Covid-19 fuq in-negozji li ġiet ippreżentata llum f’konferenza tal-aħbarijiet mill-MEA. Għal dan l-istħarriġ ipparteċipaw 237 kumpanija privata minn setturi differenti tal-ekonomija u ta’ daqs differenti. Flimkien iħaddmu mal-40,000 ħaddiem.

73% tal-kumpaniji li ħadu sehem qalu li huma prevenew it-tieni mewġa hekk kif raw żieda fil-każijiet fl-20 ta’ Lulju li għadda, bi kważi tliet kwarti ta’ dawk li wieġbu qalu li t-tieni mewġa affettwat id-dħul futur fir-raba’ kwart tal-2020.

X’irriżulta aktar mill-istatistika?

57% qalu li n-negozji tagħhom jridu aktar minn sena biex jirkupraw.

Ir-riċerka turi li 81% tal-kumpaniji esperjenzaw telf fin-negozju tagħhom tul il-pandemija, 16% ma kellhom l-ebda effett filwaqt li 3% irrappurtaw żieda fin-negozju tagħhom.

48% qalu li Ġunju sa Awwissu kienu aħjar minn Marzu sa Mejju, 38% qalu li n-negozju baqa’ l-istess f’dan il-perjodu filwaqt li 16% qalu li marru agħar fix-xhur l-aktar riċenti.

62% tal-kumpaniji qalu li qed jagħmlu użu mill-iskemi ta’ suppliment fil-paga, 24% ibbenefikaw mill-iskema ta’ rifużjoni fil-kontijiet tad-dawl u tal-kera, 19% ibbenefikaw mill-iskemi ta’ tagħmir għat-teleworking u 11% għamlu użu mill-moratorju tal-banek.