96% tal-Maltin kuntenti bil-kwalità tas-saħħa

96% tal-Maltin jinsabu kuntenti bil-kwalità tas-servizzi tas-saħħa offruti fl-isptarijiet.
Dan jirriżulta minn stħarriġ tal-Ewrobarometru fuq is-Saħħa tal-Pazjenti u l-Kwalità tal-Kura, li ġie ppubblikat fil-jiem li għaddew.
Il-Maltin huma fost l-iktar kuntenti mis-settur tas-saħħa fl-Ewropa filwaqt li huma 76% l-Ewropej li jinsabu kuntenti bis-servizzi tas-saħħa li għandhom f’pajjiżhom.
Mill-Ewrobarometru jirriżulta li 65% tal-Maltin iqisu li huwa importanti li t-tobba u l-infermiera jkunu mħarrġa sewwa biex is-servizzi tas-saħħa offruti jkunu ta’ kwalità.  
45% tal-Maltin iqisu li s-servizzi mediċi offruti f’Malta huma tal-istess kwalità tas-servizzi l-oħra offruti fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
L-Ewrobarometru sar bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea u juri kif bejn 8% u 12% tal-pazjenti li jidħlu l-isptar għall-kura wara li jispiċċaw f’kundizzjoni, mard jew infezzjonijiet minħabba żbalji kirurġiċi jew djanjożi ħażina.
Kull sena 4.1 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea jkollhom jidħlu l-isptar minħabba żbalji mit-tobba bi djanjożi ħażina jew infezzjonijiet minn sptar oħra.
37,000 persuna jmutu kull sena minħabba l-infezzjonijiet jew il-kura żbaljata li jingħataw.
Huwa stmat li 30% tal-infezzjonijiet trażmessi mill-isptarijiet jistgħu jiġu evitati jekk tissaħħaħ l-iġjene.