950 spezzjoni ta’ restoranti u bars; ħadd ma nqabad jikser id-direttivi

Nicole Borg

Minn 950 spezzjoni ta’ stabbilimenti tal-ikel u x-xorb madwar Malta u Għawdex, ħadd ma nqabad jikser ir-regolamenti impost mill-Gvern biex jibqgħu magħluqa. Dan biex titrażżan kemm jista’ jkun l-imxija tal-COVID-19 fil-pajjiż.

Fil-bulettin tiegħu ta’ kuljum, il-Gvern qal li f’temp ta’ 24 siegħa saru 800 spezzjoni f’Malta u 150 oħra f’Għawdex. Ħadd ma nqabad jikser ir-regolamenti. Intant appella sabiex ħadd ma jinġabar f’folla quddiem tat-take-aways imma jżomm id-distanza.

Fejn jidħlu spezzjonijiet dwar kwarantina, fi żmien 24 siegħa, l-Awtoritajiet tas-Saħħa u uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għamlu 329 spezzjoni f’Malta u Għawdex. Waqt dawn l-ispezzjonijiet ġiet immultata persuna waħda wara li nqabdet tikser il-liġi. Il-Gvern appella mill-ġdid sabiex kulħadd ikun responsabbli u jikkopera mad-direttivi li qed jingħataw mill-awtoritajiet.

“Jirrankaw it-testijiet għall-virus”

Intant, il-Gvern qal li t-testijiet biex jiġu identifikati l-persuni li għandhom il-virus u jiġu iżolati rrankaw. Qal li, fl-24 ta’ Marzu l-Laboratorju tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei beda jagħmel is-swabs f’erba’ ħinijiet differenti matul il-ġurnata, minflok tlieta kif kien qed isir s’issa.

Dawn wassal sabiex f’temp ta’ 24 siegħa jsiru 488 swab. Malta baqgħet fost l-aktar pajjiżi li qed jagħmluhom. S’issa saru total ta’ 3,819, li minnhom 2,605 fuq nies sintomatiċi u 1,218 fuq dawk li daħlu l-isptar bi problemi ta’ nifs.

Issa f’Malta hawn 129 każ tal-coronavirus

Ilbieraħ ġew imħabbra 19-il każ ġdid ta’ Covid-19. 8 minnhom huma relatati ma’ safar, 4 huma persuni li kellhom kuntatt ma’ nies li diġà kellhom il-virus u kienu identifikati mill-awtoritajiet tas-saħħa, filwaqt li 7 ġew infettati kaġun ta’ trażmissjoni lokali mingħajr ma wieħed jaf minn fejn ħadu l-virus.

Fost il-każijiet ġodda hemm anzjan ta’ 81 sena li s’issa ma jidhirx li għandu kumplikazzjonijiet. L-anzjan l-ieħor ta’ 61 sena għadu fl-ITU imma mhux f’qagħda kritika. Issa t-total ta’ persuni li rriżultaw pożittivi għall-virus huwa 129.

Il-banek jagħtu sehemhom

Intant ġie spjegat li l-Bank of Valletta ħabbar miżuri t’appoġġ għall-klijenti tiegħu milquta mix-xenarju ekonomiku kkaġunat mill-Covid-19. Il-BOV nieda moratorju ta’ mhux anqas minn 3 xhur kemm fuq il-kapital kif ukoll fuq l-imgħax li se jiġi applikat għal self għad-dar kif ukoll fuq self personali. Żied il-limitu ta’ overdraft u credit cards mingħajr charges żejda. Neħħa charges fuq skedar ġdid ta’ self għad-djar u dak personali. Neħħa wkoll charges fuq estensjoni ta’ ġbid u użu ta’ faċilitajiet ta’ kreditu.

X’inhuma l-helplines tal-Gvern?

  • 111 – Għall-persuni li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtieq iktar informazzjoni.
  • 22042200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’wieħed mill-pajjiżi ta’ riskju għoli u jridu jiġu lura Malta.
  • 21411411 – Għall-persuni fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċini.
  • 144 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-pakkett finanzjarju lill-industriji; intrapriżi u self-employed.
  • 25981000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv u l-impatt tal-Coronavirus.
  • 21692447– Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra.
  • 25903030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix).
  • 25469111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn