“95% tat-tobba osservaw id-direttivi” – MAM

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qalet li kważi l-membri kollha tagħha obdiet id-direttivi tal-azzjoni industrijali tal-lum. Dan wara li l-Assoċjazzjoni saħqet biex l-avvenimenti tal-massa ma jsirux, iżda qed jitħallew xorta.

Bħalissa f’Mater Dei waqaf kollox ħlief l-emerġenza, appuntamenti urġenti relatati ma trawma, operazzjonijiet urġenti u l-obstetrika. L-Assoċjazzjoni spjegat li 95% tal-membri qed iżommu mad-direttivi. L-azzjoni industrijali bdiet fit-8am, u għandha sal-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla f’nofsillejl.

Il-MAM spjegat li r-raġunar tagħha wara l-oġġezzjoni li jsiru l-attivitajiet huwa bbażat fuq il-fatt li l-każijiet qegħdin jiżdiedu b’madwar 15 kuljum, u Malta tneħħiet mil-lista ta’ pajjiżi siguri f’erba’ pajjiżi differenti tal-Unjoni Ewropea. Żiedet tgħid illi minflok jikkontrolla l-epidemija, il-Gvern qed iħalli attivitajiet b’eluf ta’ nies isiru, inkluż attivitajiet li jixbhu l-party li sar ġo lukanda minn fejn spuntaw għadd kbir ta’ każijiet li donnhom waslu għal din it-tieni mewġa tal-coronavirus li qed tesperjenza Malta. L-assoċjazzjoni nnutat li filwaqt li pajjiżi oħrajn tal-UE qegħdin jipprojbixxu tali attivitajiet milli jsiru, il-Gvern Malti qed jagħmel l-oppost.

L-MAM ikkonkludiet billi qalet li tispera li l-Gvern jikkanċella avvenimenti tal-massa minnufih, ħalli d-direttivi jiġu sospenduti u tkun tista’ tikkuntattja pazjenti għall-appuntamenti tagħħhom.