95% tal-Maltin iħallsu l-kontijiet fil-ħin

Read in English.

B’mod ġenerali l-adulti f’Malta jħallsu l-kontijiet tagħhom fil-ħin. Skont stħarriġ li sar mill-Organisation for Economic Cooperation and Development (OECD) bl-isem ta’ INFE 2020 dwar il-Litteriżmu Finanzjarju tal-Adulti 95% tal-adulti Maltin iħallsu l-kontijiet fil-ħin.

Din kienet l-ewwel darba li Malta ħadet sehem f’dan l-istħarriġ li sar fl-2018 li kien kofinanzjat mill-FSE. Dan l-istħarriġ sar minn ĠEMMA f’isem l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal, u Solidarjetà Soċjali. F’dan l-istħarriġ ħadu sehem 1,000 parteċipant.

46% tal-Maltin iżommu nota tal-infiq tagħhom sabiex ikollhom rendikont tal-finanzi domestiċi tagħhom. Min-naħa l-oħra 45% tal-Maltin m’għandhomx pjan ta’ rtirar u 56% hemm ċans li se jiddependu għal kollox fuq il-pensjoni tal-gvern fl-età tal-irtirar.

Minn dan l-istħarriġ ħareġ li 93% tal-Maltin ifaddlu b’mod attiv u 80% jiċċekkjaw fir-reqqa jekk jaffordjawx xi ħaġa qabel jixtruha.

Din it-tabella tirrapreżenta sommarju ta’ dan l-istħarriġ:

L-Ippjanar u l-Immaniġġjar tal-FinanziL-aktar mod popolari tal-Maltin biex iżommu kont tal-finanzi domestiċi tagħhom huwa billi jieħdu nota tal-infiq tagħhom – 46% tal-adulti Maltin.
 35% tal-Maltin jippreferu jaqraw dwar prodotti ta’ investiment bil-Malti u 35% oħra jippreferu jaqraw tali dokumentazzjoni bl-Ingliż.
Tfaddil Attiv u Xokkijiet FinanzjarjiL-istudju juri li 93% tal-adulti f’Malta huma dawk li jfaddlu b’mod attiv, li jiffrankaw b’modi differenti. 84% tal-adulti f’Malta jġemmgħu f’kont tat-tfaddil/tad-depożitu.
 72% tal-adulti f’Malta huma kapaċi jaffaċċjaw spiża kbira ekwivalenti għad-dħul tagħhom mingħajr ma jkollhom bżonn jissellfu l-flus jew jitolbu lill-membri tal-familja għall-għajnuna.
Għanijiet Finanzjarji45% tal-adulti f’Malta m’għandhomx pjan ta’ rtirar.
 56% tal-adulti f’Malta hemm ċans li jiddependu għal kollox fuq il-pensjoni tal-gvern fl-età tal-irtirar.
 15% biss għandhom pensjoni privata.
Kopertura tal-Ispejjeż64% tal-adulti f’Malta ma ltaqgħux ma’ sitwazzjoni fejn id-dħul tagħhom ma kienx ikopri l-ispejjeż tal-għajxien tagħhom f’dawn l-aħħar 12-il xahar.
 Mit-33 % li esperjenzaw sitwazzjoni fejn id-dħul ma kienx ikopri l-ispejjeż, 86% użaw riżorsi eżistenti bħat-tnaqqis fl-infiq.
L-Għażla u l-Użu ta’ Prodotti u Servizzi Finanzjarji31% qiesu diversi għażliet minn kumpanija waħda biex jagħżlu l-fond tal-pensjoni tagħhom. 29% ma kkunsidraw l-ebda għażla oħra.
Attitudnijiet u Mġiba62% tal-Maltin iżommu għajnejhom fuq l-affarijiet finanzjarji tagħhom.
 3 minn kull 4 adulti f’Malta m’għandhomx wisq dejn bħalissa, filwaqt li 13% qalu li għandhom.
 95% tal-adulti f’Malta dejjem/ta’ spiss iħallsu l-kontijiet tagħhom fil-ħin.
 Madwar 80% tal-adulti f’Malta dejjem/ta’ spiss jikkunsidraw bir-reqqa dwar jekk jistgħux jaffordjaw li jixtru xi ħaġa qabel ma jixtruha.
 Madwar 95% tal-adulti f’Malta dejjem iħallsu l-kontijiet tagħhom fil-ħin, filwaqt li 1% biss qatt ma jħallsu l-kontijiet tagħhom fil-ħin.
Il-Livell ta’ Għarfien Finanzjarju44% jqisu l-għarfien ġenerali tagħhom dwar kwistjonijiet finanzjarji bħala medju.
 21% jikkunsidraw lilhom infushom li għandhom livell għoli ħafna/pjuttost għoli ta’ għarfien ġenerali dwar affarijiet finanzjarji.

Fid-dawl ta’ dan l-istħarriġ il-Ministru Għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon saħaq illi l-proġett ĠEMMA qiegħed jaħdem għal aktar għarfien dwar il-litteriżmu finanzjarju fis-soċjetà Maltija.

Żied li l-għan huwa li l-Gvern ikompli jinvesti f’dawn il-proġetti li jsarrfu ta’ ġid fost il-familji, it-tfal u l-anzjani.

Wieħed jista’ jara r-rapport dettaljat minn hawn.