Tmut persuna fost il-95 f’riskju li jegħrqu fl-ibħra Maltin – Alarm Phone

Aġġornat 09:00 PM
SeaWatch

Read in English.

Alarm Phone qalet li persuna tilfet ħajjitha fost il-grupp ta’ 95 li jinsabu f’riskju li jegħrqu fiż-żona tas-salvataġġ Maltija.

L-għaqda Alarm Phone fuq Twitter qalet li dawn il-persuni għamlu kuntatt magħhom wara li l-magna tad-dgħajsa li jinsabu fuqha mhux taħdem u d-dgħajsa qiegħda timtela bl-ilma. L-għaqda qalu li s-sitwazzjoni fuq id-dgħajsa hija waħda kritika u żiedet li l-awtoritajiet Maltin u dawk Taljani jinsabu infurmati dwar dan iżda mhux iwieġbu.

F’post oħra fuq Twitter Alarm Phone qalet li n-nies li jinsabu fuq id-dgħajsa ma jistgħux ineħħu l-ilma li dieħel fid-dgħajsa minħabba li hemm ħafna aktar persuni milli suppost. Żiedet li viċin dawn il-persuni hemm bastiment merkantili u dan għandu jiġi ordnat biex isavahom madankollu l-Forzi Armati ta’ Malta mhux jirrispondu t-telefonati tal-għaqda AlarmPhone.

L-għaqda qiegħda tappella lill-awtoritajiet biex isalvaw lil dawn in-nies.

Aktar tard, l-għaqda qalet li ġiet infurmata min-nies abbord id-dgħajsa li diġà tilfu persuna u ma jixtiqux li jmutu aktar nies. Huma raw xi bastimenti tal-merkanzija u xtaqu jqabbdu nar biex il-bastimenti jintebħu bihom, iżda jibżgħu li jpoġġu ħajjithom f’riskju jekk jagħmlu dan. Qegħdin ixejru l-flokkijiet biex forsi tal-bastimenti jarawhom.

F’kitba fis-7.15pm, Alarm Phone qalet li n-nies huma ddisprati biex jixorbu. Ilhom ma jixorbu mill-bieraħ. L-unika xewqa tagħhom hija li jingħatalhom ftit ilma għal tarbija li hemm abbord peress li din waslet biex tmut minħabba dawn il-kundizzjonijiet.

Rappurtaġġ addizzjonali: Sephora Francalanza