94% tal-Maltin sodisfatti b’ħajjithom

94% tal-Maltin iddikjaraw li huma sodisfatti bil-ħajja li jgħixu.
Dan ħareġ mir-‘Rapport Nazzjonali tal-aħħar Sondaġġ Standard tal-Eurobarometru’ li jiddeskrivi s-sejbiet ewlenin tas-sondaġġ li twettaq f’Novembru 2016.
Skont ir-rapport, 41% tal-Maltin li wieġbu qalu li qed jistennew li ħajjithom titjieb fit-12-il xahar li ġejjin, filwaqt li 67% ta’ dawk li wieġbu ddikjaraw li l-qagħda personali tagħhom tax-xogħol hi pożittiva.
Il-qagħda tal-entità familjari ġiet deskritta bħala tajba minn 82% ta’ dawk li wieġbu filwaqt li qalu wkoll li l-aspettattivi għall-futur ixaqilbu aktar lejn dawk pożittivi.
Barra minn hekk, 77% ta’ dawk li wieġbu qalu li huwa favur unjoni bl-ewro bħala munita waħda, 70% qalu li huma favur politika Ewropea komuni dwar il-migrazzjoni, 80% wieġbu li huma favur politika komuni tal-enerġija fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea filwaqt 84% qalu li jaqblu mal-moviment ħieles taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.