94.8% tal-istudenti isegwu lezzjonijiet tar-reliġjon

94.8% tal-istudenti fl-iskejjel sekondarji u primarji qed isegwu programm tat-tagħlim tar-reliġjon.
Dan joħroġ minn informazzjoni mogħtija mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus
Bartolo qal li l-għadd ta’ studenti li qed isegwu lezzjonijiet tal-etika flok tar-reliġjon huwa ta’ 5.2% tal-istudenti kollha fuq livell primarju jew sekondarju. Waqt li fisser li l-lezzjonijiet tal-etika huma offruti fi skejjel tal-istat u dawk indipendenti, huwa qal li f’dawk l-iskejjel fejn il-Programm tal-Etika mhux qed ikun offrut, l-obbligi leġislattivi ħierġa mill-Qafas għall-Kurrikulu Nazzjonali (National Curriculum Framework NCF) qed jintlaħqu permezz tal-Programm tar-Reliġjon.
Huwa qal li fuq livell nazzjonali it-total ta’ numru ta’ studenti li jattendu l-edukazzjoni obbligatorja huwa ta’ 46,975 student. Għaldaqstant, it-total ta’ 2,459 student li jieħu l-Programm tal-Etika fl-Edukazzjoni Obbligatorja fuq livell Nazzjonali (1,224-Skejjel tal-Istat; 0-Skejjel tal-Knisja; 1,235-Skejjel Indipendenti), huwa 5.2% tat-total ta’ studenti fil-Livell Primarju u Sekondarju.
Mistoqsi dwar il-programm fi skejjel tal-Knisja, Bartolo qal li “sal-lum, b’għażla mixtarra u meħuda b’mod kollettiv mill-Iskejjel tal-Knisja, il-Programm tal-Etika mhux qed jiġi offrut f’dan is-settur”.
F'ċirkulari li ħarġet il-Kurja fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, l-Arċisqof Charles Scicluna fakkar lill-ġenituri Kattoliċi li fl-għażliet li jagħmlu fl-edukazzjoni ta’ uliedhom, għandhom id-dover li fl-iskola jagħżlu t-tagħlim tar-reliġjon. Intqal ukoll li l-Kurja qed tkompli l-ħidma tagħha biex it-tagħlim tar-reliġjon jiġi aġġornat, iwieġeb għall-ħtiġijiet tal-lum, u jkun ta’ għajnuna għall-istudenti.