92% tal-Iskejjel fl-Irlanda mmexxija mill-Knisja Kattolika

Għalkemm il-Kattoliċi fl-Irlanda jiffurmaw il-maġġoranza kbira tal-popolazzjoni tal-pajjiż, fl-aħħar ħames snin in-numru tagħhom naqas minn bi 3.4 fil-mija jew b’132,000 persuna.
Filwaqt li n-numru ta’ dawk li jħaddnu reliġjonijiet oħra fosthom il-Musulmani  u l-Hinduisti żdiedu b’14,000 u bi 3,500 rispettivament, l-akbar żieda kienet ta’ dawk li stqarrew li ma għandhom ebda reliġjon li żdiedu bi kważi 200,000, u dawk li ma qalux x’reliġjon iħaddnu li żdiedu bi 43,000.
Interessanti  hu l-fatt li 45% ta’ dawk li qed jgħidu li ma għandhom ebda reliġjon huma fl-eta’ bejn l-20 u d-39 sena.  Dan il-grupp ta’ nies huma fejn l-aktar li jitwieldu tfal jew li għandhom tfal imorru l-iskola. Dan hu ta’ tħassib u qed iwassal biex uħud jibdew jargumentaw li l-iskejjel ma għandhomx jgħallmu reliġjon jew it-tagħlim ikun jindkludi diversi reliġjonijiet u mhux dik Kattolika biss.
Fl-Irlanda minn popolazzjoni ta’ madwar 4.8 miljun persuna, li 78% minnhom, jew tliet miljuni u seba’mija u disa u għoxrin elf, jistqarru li huma Kattoliċi, il-Knisja Kattolika tmexxi 92% tal-iskejjel primarji kollha li hemm fil-pajjiż u allura numru ta’ tfal ta’ ġenituri li m’humiex Kattoliċi qed jattendu skejjel fejn ir-reliġjon kattolika hi mgħallma kuljum.
F’Dublin, Dun Laoghaire u Galway li  huma fost l-akbar żoni urbani fil-pajjiż wieħed minn kull tlieta tal-popolazzjoni m’humiex Kattoliċi għalkemm il-maġġoranza kbira tal-iskejjel finanzjati mill-Gvern huma kontollati mill-Knisja Kattolika li min-naħa tagħha qed taħdem biex twaqqaf dan l-esodu.