918-il multa fuq rimi ta’ skart illegali fl-aħħar xahrejn

Il-Ministru għall-Gvern Lokali Owen Bonniċi qal li ngħataw 918-il multa fuq rimi ta’ skart illegali f’inqas minn xahrejn f’ħidma konġunta bejn il-LESA u d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni.

Huwa qal li dan juri biċ-ċar li l-bżonn ta’ infurzar kien bżonnjuż. Il-ġbir tal-iskart qiegħed isir b’mod intensiv fil-lokalitajiet kollha u mhux biss f’San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u x-Xemxija, minkejja li l-ogħla ammont ta’ taħrik sar f’dawn l-aħħar lokalitajiet.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li minn Jannar sal-lum, l-uffiċjali tal-komunità taw 1,872 taħrika ambjentali filwaqt li d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabret mad-9,000 tunnellata ta’ skart mormi b’mod illegali.

Dawn it-taħrikiet ivarjaw minn rimi ta’ skart b’mod illegali, rimi ta’ sigaretti f’postijiet pubbliċi, ħruġ ta’ boroż ta’ skart domestiku fi ġranet mhux proprji u wkoll qadi ta’ bżonnijiet sanitarji fil-pubbliku.

L-iktar lokalitajiet li fihom ingħataw taħrikiet f’dan il-perjodu huma l-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra u x-Xemxija li fihom ngħataw 482 taħrika ambjentali, tas-Sliema li fiha ngħataw 112-il taħrika ambjentali u l-Belt Valletta li fiha ngħataw 88 taħrika ambjentali.

Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni f’dawn il-ġranet irnexxielha tiġbor iktar minn 3,000 tunnellata ta’ skart mormi b’mod illegali.

Il-Ministru Bonnici rringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti f’dan ix-xogħol biex jinkiseb dan ir-riżultat u qal li dan il-Gvern huwa kommess sabiex ikompli jtejjeb il-livell ta’ għajxien għall-komunitajiet tagħna.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li f’dawn l-aħħar sena u ftit xhur saru bidliet drastiċi fi ħdan l-Aġenzija LESA. L-għan ewlieni ta’ dawn il-bidliet huwa li jwasslu għal aktar serjetà fl-infurzar. “Fil-fatt, issa l-infurzar lokali m’għadux biss limitat għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku iżda qed jimraħ ukoll f’oqsma importanti oħra bħal dawk ambjentali. Illum fil-fatt qed naraw biċ-ċar l-impenn li għandhom l-uffiċjali tal-komunità li qegħdin jaħdmu id f’id mad-Dipartiment tat-Tindif u l-Manutenzjoni kif ukoll mal-kunsilli lokali sabiex ikollna pajjiż dejjem aktar nadif,” qal Parnis