Filmat: 91 tfal ipparteċipaw f’kompetizzjoni għal karus innovattiv ta’ L-Istrina

Mart il-President tqassam ċertikati tal-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni li saret fl-iskejjel għal karus innovattiv ta’ L-Istrina.

Il-karus tradizzjonali tal-Istrina din is-sena se jkollu bixra innovattiva u li tirrispetta aktar ’l ambjent: minflok is-soltu kontenitur tal-plastik f’forma ta’ qażquż, li wara jintrema u jżid mal-iskart mhux riċiklabbli, se jkun magħmul mill-kartun u se jkollu stampati fuqu tpinġijiet magħmulin mit-tfal tal-iskola. L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign, li tiġi sponsorjata mill-Bank of Valletta, issir fl-iskejjel kollha fl-aħħar ftit xhur ta’ kull sena bil-għan li jitħeġġeġ sehem it-tfal tal-iskola fil-ġbir li jsir għal The Malta Community Chest Fund Fondation u li jilħaq il-qofol tiegħu bix-xandira televiżiva ta’ L-Istrina li ssir l-għada tal-Milied.

Kienu 91 it-tfal tal-iskola li ħadu sehem f’kompetizzjoni ta’ tpinġija li ġiet organizzata għal dan il-għan. It-tema tal-kompetizzjoni tat-tpinġija kienet “Is-sapport”, sabiex isir enfasi fuq l-importanza tas-solidarjetà fostna f’dawn iż-żminijiet iebsin tal-COVID-19. Il-kompetizzjoni ġiet organizzata, bl-għajnuna tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, bejn April u Ġunju 2020, waqt l-ewwel fażi tal-imxija, u t-tfal issottomettew it-tpinġijiet tagħhom bil-posta elettronika. Filwaqt li ntgħażlu tlieta mit-tpinġijiet biex jintużaw għall-karusijiet, se jinstab mezz kif il-bqija tas-sottomissjonijiet jintużaw mod ieħor mill-Community Chest Fund.

F’attività li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Is-Sra Miriam Vella, mart il-President ta’ Malta, irringrazzjat lit-tfal għas-sehem tagħhom f’din il-kompetizzjoni, u esprimiet ix-xewqa tagħha li din issir appuntament annwali. Hija qassmet lil kull tifel u tifla ċertifikat tal-parteċipazzjoni u tkellmet magħhom dwar kif għexu ż-żmien fejn ma setgħux imorru l-iskola minħabba l-miżuri meħudin fil-kuntest tal-pandemija.

Fil-ġimgħat li ġejjin, is-Sra Vella se tkun qed iddur għadd ta’ skejjel sabiex tqassam il-karusijiet lit-tfal sabiex jinħoloq aktar għarfien tal-bżonn li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, inkun saħansitra aktar ta’ sostenn għal xulxin.

Dan it-tagħrif twassal mill-Uffiċju tal-President.