900,000 ktieb jissellfu f’sena

Skont statistika li ħareġ l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, matul is-sena l-oħra ġew mislufa ‘l fuq minn 900,000 ktieb mil-libreriji madwar Malta u Għawdex. Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 7.9% fuq is-sena ta’ qabilha.

L-akbar żieda f’self ta’ kotba kienet reġistrata fix-Xlokk u t-Tramuntana ta’ Malta.

Il-libreriji pubbliċi taż-Żejtun, Qrendi, Marsaxlokk, Gudja u l-Imqabba rreġistraw żieda ta’ 20%. Filwaqt li l-libreriji fiż-Żurrieq u Birżebbuġa rrappurtaw l-akbar tnaqqis ta’ self ta’ kotba.

Il-Għargħur u l-Mosta rreġistraw żieda li qabżet it-30% filwaqt li l-unika lokalità li rrappurtat tnaqqis fis-self ta’ kotba kienet l-Imġarr, bi tnaqqis ta’ 2.9%.

F’Għawdex u  Kemmuna, it-tnaqqis li kien irreġistrat kien primarjament minħabba nuqqas ta’ self ta’ kotba fil-Qala, in-Nadur u ż-Żebbuġ bi tnaqqis ta’ 32.4%, 26.2% u 19.1% rispettivament.