900,000 imutu bil-coronavirus madwar id-dinja

FILE PHOTO: REUTERS/Flavio Lo Scalzo

L-għadd ta’ mwiet madwar id-dinja minħabba l-coronavirus qabeż id-900,000 hekk kif l-għadd ta’ każijiet issa jlaħħaq is-27.7 miljun, skond l-istatistika ta’ Reuters.

L-Istati Uniti jibqa’ l-iżjed pajjiż affettwat fid-dinja bl-għadd ta’ mwiet jaqbeż il-190,000 u b’iżjed minn 6.3 miljun każ attiv. Il-Brażil jinsab fit-tieni post b’iżjed minn 127,000 mewta segwit mill-Indja b’kważi 74,000 mewta.

Nhar it-Tnejn li għaddew, l-India rrappurtat 90,802 infezzjoni ġdida – l-ogħla qabża fl-għadd ta’ każijiet qatt rappurtata f’jum wieħed – biex b’hekk it-total laħaq l-4.3 miljuni biex poġġa lill-Brażil u l-4.1 miljun każ tiegħu, fit-tielet post.

Hekk kif l-epiċentru tal-pandemija qed idur fuq l-Indja, m’hemm l-ebda sinjal ta’ eskalazzjoni fil-pajjiż bit-tieni l-akbar popolazzjoni fid-dinja. Hekk kif nhar l-Erbgħa il-bars reġgħu fetħu għall-ewwel darba mill-lockdown ‘l hawn, ta’ kuljum qed jiżdiedu l-każijiet, iżjed minn pajjiżi oħra sa mill-bidu tas-sena. L-Indja qed tirraporta wkoll imwiet iżjed minn kull pajjiż ieħor – medja ta’ aktar minn 1,000 mewta kuljum matul dawn l-aħħar ġimgħatejn.

L-Amerki jgħoddu iżjed minn nofs il-fatalitajiet tad-dinja kollha minħabba r-rati għolja ta’ mwiet fil-Messiku, fil-Peru, fil-Kolombja, iċ-Ċili u l-Ekwador.

Skond Reuters, il-medja ta’ mwiet kuljum minħabba COVID-19 hija ta’ iżjed minn 5,600 persuna. Din l-istatistika hija bbażata fuq ċifri maħruġa matul dawn l-aħħar ġimgħatejn. Ir-rata ta’ mwiet baqgħet waħda fissa li damet 18-il ġurnata biex minn 800,000 telgħet għal 900,000 mewta. Kienu għaddew 17-il ġurnata biex minn 700,000 telgħu għal 800,000.

Ir-rata ta’ fatalità fl-Indja hija ta’ madwar 1%, filwaqt li l-Brazil u l-Istati Uniti għandhom rata ta’ mortalità ta’ madwar 3% bħall-medja tad-dinja kollha.

Filwaqt li l-imwiet u l-każijiet attivi fl-Istati Uniti naqsu minn Lulju ‘l hawn, il-każijiet qed jibqgħu jiżdiedu f’40% tal-pajjiż, l-iżjed minħabba l-istudenti li qed jirritornaw f’dawk l-ibliet fejn jinsabu l-kulleġġi tagħhom.

Fl-Ewropa wkoll qed ikun hemm żieda ta’ każijiet hekk kif xi pajjiżi qed jaraw rekords ta’ każijiet f’jum wieħed bħalma kien ġara fir-rebbiegħa – indikazzjoni li jista’ jkun hemm it-tieni mewġa.

Iż-żieda ta’ kważi 3,000 każ ġdid fir-Renju Unit matul tmiem il-ġimgħa kienet l-akbar qabża minn Mejju ‘l hawn – li wassal biex il-pajjiż waqqaf gruppi ta’ iżjed minn sitta minn nies li jiltaqgħu hekk kif il-Prim Ministru Boris Johnson qed jipprova jikkontrolla s-sitwazzjoni.

Ir-Renju Unit, li għandu l-ħames l-ogħla rata ta’ mwiet li issa laħqet il-41,594, qed japplika kwarantina ta’ 14-il ġurnata għal kull min jidħol lura fil-pajjiż minn destinazzjonijiet fl-Ewropa bħalma huma l-gżejjer Griegi, Franza, il-Kroazja u Spanja fejn qed ikun hemm l-istess żieda ta’ każijiet.

Spanja kienet l-ewwel pajjiż fil-punent ta’ l-Ewropa li rrappurtat nofs miljun każ nhar it-Tnejn li għaddew u issa, b’kollox għandha 552,000 infezzjoni.

L-ewwel mewta attribwita għall-COVID-19 kienet rappurtata nhar l-10 ta’ Jannar f’Wuhan, fiċ-Ċina – il-post fejn feġġet għall-ewwel darba l-coronavirus f’Diċembru.