900 messaġġ bejn Yorgen u Keith fl-2019

WhatsApp Yorgen Fenech Keith Schembri

Read in English.

Sorsi qrib l-investigazzjoni b’rabta mal-messaġġi li nstabu fil-mowbajl ta’ Yorgen Fenech qalu ma’ Newsbook.com.mt, li Keith Schembri, li kien Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u Yorgen Fenech, bagħtu lil xulxin aktar minn 900 messaġġ fuq WhatsApp fl-2019.

Fenech, li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-istess sorsi kkonfermaw li waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija nhar l-Erbgħa, Keith Schembri kien qed jiġi mistoqsi l-aktar dwar dawn il-messaġġi. Madanakollu qagħdu lura milli jagħtu informazzjoni oħra dwar il-kontenut tal-investigazzjonijiet.

“Ħafna messaġġi ma kienu xejn ta’ barra minn hawn”, żiedu jgħidu. “F’oħrajn kienu jinfurmaw lil xulxin meta jkunu se jsiefru u pereżempju jekk iridux li jixtru xi whiskey. Imma li l-kap tal-amministrazzjoni ta’ Muscat jibgħat mijiet ta’ messaġġi lil Yorgen Fenech juri r-relazzjoni ta’ bejniethom, li fiha nnifisha hija sinifikattiv”.

Is-sorsi qalu li “l-investigaturi kienu interessati fil-grupp ta’ WhatsApp li kien hemm bejn Joseph Muscat, Keith Schembri u Yorgen Fenech”. Żiedu jgħidu li fil-messaġġi ma kienx jiġi diskuss il-ħasil tal-flus.

“Imma taħsibx li s-sigħat twal ta’ interrogazzjoni kienu ħela ta’ ħin”, temmu jgħidu s-sorsi.

Sfond

Fit-28 ta’ Ottubru 2020, l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo li riċentament bdiet tmexxi t-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi, qalet li kienu għaddejjin investigazzjonijiet kriminali dwar dettalji li ħarġu minn dawn iċ-chats.

F’Awwissu, l-Ispettur Keith Arnaud qal li l-investigazzjonijiet dwar Keith Schembri għadhom ma ġewx konklużi. Fl-istess seduta fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Fenech, l-Ispettur Kurt Zahra qal li Yorgen Fenech kien qal lill-Pulizija li kien Schembri li qallu biex jagħmel li kellu jagħmel malli sar jaf bil-pjan ta’ Melvin Theuma (is-sensar fl-assassinju). Żied jgħid li waqt l-interrogazzjonijiet Fenech qal ukoll li l-pjan oriġinali biex tinqatel Daphne ma kienx tiegħu imma ta’ Keith Schembri. Dan ġie miċħud minn Schembri li stqarr li l-Prim Ministru Muscat kien qallu biex jgħid lil Fenech biex ma jaħrabx.

Fit-22 ta’ Settembru li għadda, Keith Schembri ngħata l-police bail wara li ġie arrestat bil-lejl b’rabta ma’ suspett ta’ ħasil ta’ flus.

Il-Pulizija dakinhar kienu arrestaw ukoll lil Brian Tonna u lil Karl Cini ta’ Nexia BT wara li ġiet konkluża l-inkjesta dwar kickbacks li Schembri allegatament irċieva minn bejgħ ta’ passaporti. Il-police bail ta’ Schembri kellu jiskadi f’nofs Ottubru.

X’taħseb dwar ir-relazzjoni li kellhom Keith Schembri u Yorgen Fenech?

Ikkummenta hawn taħt