900 jmutu bil-kanċer f’Malta

F’Malta, f’sena jkun hemm mal-2,000 każ ġdid ta’ kanċer u madwar 900 mewta minħabba l-istess marda. Dan qalu l-Membru Parlamentari Ewropew, Francis Zammit Dimech waqt laqgħa fi Brussell.

Zammit Dimech qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex isaħħu d-direttivi ta’ privenzjoni kontra esponiment ta’ karċinoġeni u mutaġeni fuq il-post tax-xogħol. Huwa kompla billi qal li hu importanti li dan isir għax il-ħaddiema jqattgħu ħin twil fuq il-post tax-xogħol.

L-Unjoni Ewropea, skont Zammit Dimech, diġà llimitat f’dawn l-aħħar xhur lill-ħaddiema biex ikunu esposti għal 21 sustanza li jikkaġunaw il-kanċer. Diskussjonijiet qed isiru biex iwaqqfu 5 sustanzi oħra li jikkaġunaw il-kanċer. Permezz ta’ dan, huwa stmat li se jipprevenu 22,000 każ ta’ mard relatat mal-post tax-xogħol.