Aġġornata: ‘90% tar-rakkomandazzjonijet tal-Moneyval diġà ġew implimentati’ – FIAU

Read in English.

Fi stqarrija, l-aġenzija FIAU qalet li 90 fil-mija tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport tal-MoneyVal diġa’ ġew implimentati bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni miftiehem mal-European Banking Union.

L-għada tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Moneyval, l-FIAU qalet li r-rapport ikkonferma l-uffiċjali tagħha jwettqu xogħlhom mingħajr indħil.

L-FIAU qalet li r-rakkomandazzjoni fir-rapport tal-Moneyval huma parti mill-prijoritajiet maqbula u diġà ġew innutati, kemm mill-Moneyval stess u anke fil-Kummissjoni Ewropea.

Min-naħa tiegħu, d-direttur tal-FIAU, Kenneth Farrugia, qal li qed jilqa’ l-evalwazzjoni li saret mill-Moneyval u wiegħed li l-FIAU ser tkompli taħdem ma’ entitajiet internazzjonali biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Fl-aħħarnett, l-FIAU qalet li hija impenjata li tkompli twettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Moneyval.

Il-Konformità kontra l-Kriminalità Finanzjarja priorità strateġika ewlenija għall-MFSA

Bl-istess mod,  l-MFSA qalet li l-parti l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-Moneyval diġà huma implimentati jew għaddejja l-ħidma fuqhom.

 L-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji qalet li konxja minn kemm il-fenomenu tal-ħasil tal-flus sar aktar sofistikat madwar id-dinja, l-MFSA fl-aħħar xhur investiet bis-saħħa fit-tisħiħ tal-istandards u l-proċeduri marbuta mal-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus.

Wara konsultazzjonijiet estensivi mal-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali kif ukoll esperti fis-settur, fi Frar 2019 l-MFSA nediet l-istrateġija tagħha dwar l-AML/CFT.

Fost l-bidliet implimentati fl-aħħar tnax-il xahar, l-MFSA:

Il-Kap Eżekuttiv tal-MFSA, Joseph Cuschieri kkumenta li: “Il-ħasil tal-flus hija sfida enormi għall-awtoritajiet regolatorji madwar id-dnja. Permezz ta’ relazzjonijiet aktar b’saħħithom mar-regolaturi barranin u investiment fil-kapaċità u r-riżorsi tekniċi tagħna, qed niksbu għarfien aħjar dwar kif strutturi tal-kumpaniji jistgħu jintużaw biex jinħaslu l-flus. Se nkunu ferm attenti – l-impenn tagħna hu li ngħollu l-istandards superviżorji fil-qasam tal-AML/CFT biex l-MFSA tkun tista’ ssir mudell fil-qasam tal-konformità fil-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja fl-Ewropa.”

Il-PN mhux se jippermetti li Malta tispiċċa black listed minħabba n-negliġenza tall-Gvern Laburista

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi Mario de Marco u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija Kristy Debono qal li l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Moneyval huma serji u juru kif minħabba n-negliġenza u n-nuqqas ta’ azzjoni konkreta tal-Gvern, dak li bena l-Gvern Nazzjonalista matul is-snin bis-saħħa tar-reputazzjoni tajba li kellu pajjiżna, issa jinsab mhedded minħabba l-kritika ħarxa li ġibed fuqu l-Gvern Laburista li dgħajjef l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Mario de Marco qal li mir-rapport tal-Moneyval, pajjiżna weħel fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u għalhekk istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej bdew jagħmlu l-mistoqsijiet dwar il-mod li bih il-Gvern qed jibqa’ ma jieħux azzjoni biex isaħħaħ bil-fatti l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Ir-rapport jirrimarka wkoll in-nuqqas ta’ ħeġġa biex jintemmu investigazzjonijiet dwar high profile cases, każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus li jinvolvu nies qrib tal-Gvern.

Kristy Debono qalet li wara li r-rapport tal-Moneyval ġie approvat fil-Kunsill tal-Ewropa fix-xhur li għaddew, l-konsegwenzi jistgħu jkunu ferm gravi fuq pajjiżna u l-ekonomija tagħna, speċjalment fuq is-settur finanzjarju, tas-servizzi finanzjarji u l-igaming.

Dan meta issa għandna biss ftit xhur oħra biex il-Gvern jirranġa s-sitwazzjoni sabiex pajjiżna ma jispiċċax black listed. Jekk dan kollu jseħħ pajjiżi oħrajn jibdew iħarsu lejna bħala tax haven u jonqos il-kummerċ u x-xogħol. Rapporti oħrajn tal-GRECO u tal-Venice Commission ukoll kienu irrimarkaw fuq il-mod kif il-Gvern tappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u daħħal ukoll sens ta’ impunità, temmet tgħid Debono

Oppożizzjoni mingħajr kredenzjali – Il-Gvern

B’reazzjoni, l-Gvern qal li l-Oppożizzjoni lanqas biss qrat li l-Gvern diġà ħareġ komunikat li diġà qed jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet li l-istess aġenzija għamlet.

Mit-58 mizura proposta mill-istess Moneyval, diġà ġew imwettqa 35%, li anke kienu parti mill-Pjan ta’ Strateġija li għamel dan il-Gvern fl-2017 u se tkompli ssir ħidma sabiex ikunu implimentati l-kumplament tal-miżuri proposti sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

Fil-fatt, ftit tal-ħin ilu l-FIAU wkoll, għadha kemm ħarġet stqarrija tgħid li diġà ġew imwettqa 90% tar-rakkomandazzjonijiet fosthom li jkun hemm aktar awditjar spiss fl-entitajiet, il-Gvern kompla jgħid.

Il-Gvern qal li l-problema tal-Oppożizzjoni hija li ma għandha l-ebda kredenzjali sabiex titkellem fuq dan il-qasam u fuq l-oqsma kollha.

Il-Gvern qal li l-Oppożizzjoni fil-konferenza tal-aħbarijiet semmiet diversi rapporti li fihom għawġet il-fatti kif riedet hi waqt li l-kelliema ma semmgħux rapport riċenti dak fejn l-Istitut għall-Governanza f’Bażel ikklassifikaw lil Malta bħala ġuriżdizzjoni b’riskju baxx għall-ħasil tal-flus.