90 persuna jintbagħtu l-ħabs f’xahar dwar dokumenti foloz

Passports
Photo by ConvertKit on Unsplash

Madwar 90 persuna weħlu sentenza ta’ priġunerija effettiva wara investigazzjonijiet mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni f’każijiet ta’ dokumenti foloz interċettati kemm fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, kif ukoll mix-Xatt tal-Belt.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li bejn it-2 ta’ Awwissu u l-5 ta’ Settembru kienu investigati u tressqu l-Qorti 120 persuna. Is-sentenzi ta’ priġunerija maħruġa jvarjaw minn xahar sa sentejn. Oħrajn ingħataw sentenza sospiża u oħrajn inħarġitilhom ordni biex jirritornaw lura pajjiżhom wara li nqabdu jaħdmu bla permess, bla flus biex imantnu lilhom innifishom jew bil-visa skaduta.

Intqal li l-maġġoranza tal-persuni miżmuma mill-Pulizija huma mis-Sudan filwaqt li oħrajn ġejjin minn pajjiżi fl-Ażja jew mil-Lvant tal-Ewropa fosthom il-Maċedonja, is-Serbja, ir-Russja, mill-Bosnja-Ħerżegovina u l-Albanija, kif ukoll mill-Brażil.

L-Assistent Kummisarju Neville Xuereb, li jmexxi t-Taqsima tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni qal li “fenomenu ieħor li qed jiżdied huwa ta’ dawk l-immigranti li jistaħbew f’kontejners qabel ma’ dawn jitilgħu fuq bastiment, dawn li jissejħu ‘stowaways’. F’dan il-qasam, il-Pulizija taI-Immigrazzjoni taħdem flimkien ma’ Transport Malta u mal-Uffiċjali tas-sigurtà tal-Faċilità tal-Port, sabiex jinstabu u jittieħdu l-proċeduri fil-konfront tagħhom.

Dokumenti foloz

Il-Pulizija spjegat li l-użu ta’ dokumenti foloz minn persuni li jippruvaw jaħarbu minn pajjiż għall-ieħor, mhux biss huwa ta’ tħassib għall-Pulizija Maltija, iżda huwa ukoll rifless fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Kien spjegat li fl-aħħar ġimgħat, u bħala effett mhux mistenni kawża tal-pandemija tal-COVID-19, in-numru ta’ dokumenti foloz fl-idejn żdied b’mod allarmanti.

F’messaġġ li ħareġ mill-Aġenzija Ewropea Frontex, fl-aħħar ġimgħatejn biss, ġew interċettati madwar 600 dokument falz fuq il-fruntiera madwar l-Ewropa. Dan jirrifletti dak li qed jiġri f’Malta, hekk kif il-Pulizija Maltija tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni nnutat żieda kbira ta’ persuni li nqabdu jagħmlu użu minn dokumenti foloz.

Il-Pulizija tal-Immigrazzjoni qed tassisti fi spezzjonijiet li qegħdin isiru fi bliet u rħula madwar il-pajjiż u hawn is-sehem tagħha huwa kruċjali biex ikunu identifikati nies b’dokumenti skaduti jew saħansitra li ma jkollhomx dritt li jgħixu f’pajjiżna. Fil-każ tal-aħħar jinbdew proċeduri biex persuni jintbagħtu ‘l barra mill-pajjiż.