90 laqgħa ta’ promozzjoni dwar Malta fi 3 ijiem

L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu kellha iktar minn 90 laqgħa fit-tliet ijiem ta’ fiera tal-World Travel Market f’Londra, fuq l-istand li ttellgħet biex tippromwovi lill-gżejjer Maltin.
Għall-fiera attendew il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, iċ-chairman tal-MTA Gavin Gulia, il-Kap Eżekuttiv Paul Bugeja u d-Direttur għar-Renju Unit u l-Irlanda Alex Incorvaja. Attendiet ukoll iċ-chairperson tal-Air Malta Maria Micallef.
L-istand ta’ Malta din is-sena, mibnija mill-kumpanija Big Exhibits, ġiet ispirata mill-kunċett ta’ kannizzata li normalment wieħed isib f’ġonna jew f’għelieqi għal pjanti u dwieli. Fiha nħoloq sular fuq biex ikunu jistgħu jsiru laqgħat b’iktar kumdità.
L-istand kienet tinkludi parti ddedikata għal Għawdex, li tmexxiet minn uffiċjali tal-Ministeru għal Għawdex u tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex li ltaqgħu ma’ professjonisti mill-industrija.
Għall-World Travel Market ta’ din is-sena hu stmat li attendew mal-50,000 ruħ, fil-parti l-kbira tagħhom professjonisti fil-qasam tat-turiżmu, Ministri ta’ Gvernijiet differenti u ġurnalisti.
Din il-fiera hi stmata li twassal għal ftehim ta’ negozju bejn partijiet differenti b’valur ta’ €3 biljun.