78 immigrant qrib Malta; l-Italja tgħid li responsabbilità ta’ Malta

Aġġornat 09:30 AM

Alarm Phone qalet li dgħajsa f’diffikultà b’78 persuna abbord tinsab fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija.

Ftit wara s-7pm illum qalet li għamlet kuntatt mal-awtoritajiet Taljani. Dawn qalu li Malta kienet responsabbli għall-każ. Għall-bidu ġie rrappurtat li kien hemm 90 persuna abbord.

Fuq Twitter l-NGO qalet li hija avżat lill-awtoritajiet Maltin biex isalvaw lil dawn l-immigranti. Dan kitbitu fl-10.35pm ilbieraħ.

Fit-3.08am, Alarm Phone kompliet tgħid li d-dgħajsa tinsab mingħajr fjuwil u qiegħda tinġibed mill-kurrent. In-nies abbord jinsabu ddisprati u jeħtieġ li jiġu salvati, qalet l-NGO. Hija appellat lill-awtoritajiet Maltin biex isalvawhom mill-aktar fis possibbli sabiex isalvawlhom ħajjithom.

Dalgħodu Alarm Phone tat aġġornament illi abbord id-dgħajsa hemm mara tqila. Id-dgħajsa qed tinġarr mal-kurrent u qed jidħol l-ilma fiha wkoll. Hemm żewġ vapuri tal-merkanzija, bl-ismijiet Marina u Pysix Epsilon li qegħdin jimmoniterjaw is-sitwazzjoni, imma xorta għad ma mar ħadd sabiex isalva lill-persuni abbord.

Alarm Phone qalet li l-awtoritajiet jinsabu infurmati imma mhumiex jerfgħu responsabbiltà. Hija wissiet li s-sitwazzjoni faċilment tista’ tinbidel fi traġedja.

Fit-8.16am fi tweet oħra, Alarm Phone qalet li tilfet il-kuntatt mal-immigranti, iżda l-aħħar li kellmithom, is-sitwazzjoni abbord id-dgħajsa kienet waħda kritika, speċjalment għall-anzjani. Persuna minnhom intilfet minn sensiha.

Sadattant, laħaq mar vapur ieħor tal-merkanzija qrib id-dgħajsa, bl-isem Karina. Alarm Phone qalet li qed tibża’ li Malta qiegħda torganizza “pushback illegali oħra lejn il-Libja,” jiġifieri li l-immigranti jintbagħtu lura l-Libja.

L-NGO Mediterranea Saving Humans qalet li taf li l-awtoritajiet Maltin qed jikkordinaw il-każ u talbu lit-tliet bastimenti kummerċjali biex jintervjenu. L-NGO wissiet lill-awtoritajiet sabiex ma jibagħtux lil dawn il-persuni lura l-Libja. Insistiet li għandhom jiġu salvati f’port Ewropew.

S’issa l-Gvern għadu ma kkomunika l-ebda pożizzjoni uffiċjali dwar din id-dgħajsa, iżda l-pożizzjoni għadha li l-portijiet jibqgħu magħluqa minħabba l-imxija tal-coronavirus.

L-aħħar grupp ta’ immigranti li ssalva minn Malta ġie salvat din il-ġimgħa stess mill-Forzi Armati. Is-57 persuna, iżda, qegħdin jinżammu fuq vapur tal-Captain Morgan 13-il mil ‘il barra mix-xtut Maltin.

Din il-ġimgħa Newsbook.com.mt żvela li Neville Gafà kien involut fil-każ tal-immigranti tal-Għid il-Kbir, meta dgħajsa ntbagħtet lura l-Libja. Il-Gvern Malti qal lil Gafà użah biss għall-kuntatti tiegħu, u l-ħidma ma ġietx kordinata minnu.

Bħalissa għaddejja inkjesta fuq il-każ immexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud wara li Repubblika ressqet żewġ denunzji, waħda fil-konfront tal-Brigadier Jeffrey Curmi u 11-il uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta, u oħra fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela. Din il-ġimgħa xehed ukoll il-Brigadier fil-każ.