90 attakk sesswali fuq nisa; għomor il-ħabs għal tabib f’Londra

diazhub.com

Tabib weħel tliet sentenzi ta’ għomor il-ħabs wara li nstab ħati li għamel 90 attakk sesswali fuq pazjenti nisa.

Manish Shah attakka 23 mara u tfajla ta’ 15-il sena waqt li kien qed jaħdem f’Londra. Huwa għamel dan waqt li kien qed jagħmel eżaminazzjonijet invażivi fuq il-pażjenti.

Huwa kien jagħti eżempju b’saħħet Angelina Jolie u Jade Goody sabiex ibeżża lin-nisa dwar saħħtihom.

Il-Maġistrat qalet li t-tabib abbuża mill-poter tiegħu sabiex iwettaq dawn l-attakki. Żiedet li t-tabib ivvinta dawn l-istejjer u kkaġuna paniku f’dawn il-pazjenti. Dwar dan il-Maġistrat ikkundannat lit-tabib 15-il sena ħabs.

Manish Shah wettaq dawn l-attakki bejn Mejju 2009 u Ġunju 2013. Il-Maġistrat kompliet li l-attitudni tiegħu ma kinitx biss sesswali imma ġejja mix-xewqa li jikkontrolla u jumilja n-nisa.

L-iżgħar vittma qalet fil-Qorti li kull darba li jkollha bżonn tmur għand tabib qed tħossha anzjuża u tibża, wara li ġiet abbużata minn dan it-tabib. Żiedet li hija tħossha differenti meta tħares lejn l-irġiel għax tibża li jarawha bħala oġġett tas-sess.

Shah li għandu 50 sena nstab ħati ta’ 25 attakk sesswali kontra sitt vittmi fiċ-Ċentru Mediku f’Mawney fil-ħarifa li għaddiet.

Fl-2018 huwa kien akkużat li attakka sesswalment 18-il persuna oħra bit-total ta’ attakki sesswali tela’ għal 90. Fil-Qorti ħareġ li Shah kien isib persuni vulnerabbli li għandhom storja ta’ kanċer fil-familja jew għadhom żgħar fl-età.

Huwa kien isemmi lil attriċi Angelina Jolie u jsaqsi lin-nisa biex jeżaminalhom sidirhom. Fil-Qorti nstema’ kif it-tabib mhux dejjem kien jilbes l-ingwanti u kien hemm okkażjoni fejn ħalla mara għarwina fuq il-mejda tal-eżaminazzjoni.