9 żgħażagħ Maltin għall-missjoni fil-Kenja

Grupp ta’ 9 żgħażagħ flimkien mad-Direttur tas-Segretarjat tal-Missjonijiet Agostinjani, Fr Mario Abela dan is-Sajf se jmorru għall-ewwel darba l-Kenja, fl-Afrika. Fost dawn iż-żgħażagħ hemm għalliem, perit, pulizija, segretarji u ħaddiema mill-qasam tas-saħħa. Dan il-grupp se jkun qed jaħdem fil-komunitajiet ta' Nairobi, l-Ishiara u l-Kisumu. F'dawn il-komunitajiet hemm persuni morda bl-HIV u t-tuberkulożi.
Din is-sena, is-Segretarjat tal-Missjonijiet Agostinjani qed jiċċelebra l-20 sena ta’ ħidma fil-missjoni miż-żgħażagħ Maltin.
L-ewwel grupp ta’ volontarjat mar il-Brażil fl-1994, u baqa’ jmur għal 17-il sena konsekuttiva, sal-2011. Il-Patrijiet Agostinjani għandhom il-missjonijiet tagħħhom f’San Paolo u l-Parana. Il-ħidma taż-żgħażagħ kienet tikkonsisti f’xogħlijiet differenti fosthom tqassim ta’ ikel, kutri, kotba u mediċini lill-familji fil-bżonn, xogħol mat-tfal fit-triq u ħidma f’postijiet bi djar neqsin mill-bżonnijiet ta’ iġjene. Hawnhekk jingabru madwar 700 tifel u tifla fi tliet ċentri mmexxija mis-sorijiet Brażiljani.
B’impenn, il-gruppi taż-żgħażagħ Maltin fetħu wkoll kappelli bil-flus miġbura minn Malta u jsir xogħol ma’ persuni b’diżabilità u oħrajn morda bl-Aids.  
F'dawn l-aħħar sentejn, dan is-Segretarjat fetaħ missjoni oħra f’Możambil, fl-Afrika. Hemm m'hemmx patrijiet Agostinjani Maltin iżda komunità ta’ ħames sorijiet Agostinjani Brażiljani li ilha hemm mill-1975. Minħabba li f’dan ir-raħal, l-istat li fih jgħixu n-nies huwa wieħed ħażin ħafna, il-ħidma taż-żgħażagħ Maltin kienet iffukata fuq il-bini ta’ għerejjex, xogħol ta’ żebgħa fl-iskola sekondarja li fiha jattendu madwar 800 tifel u tifla, u xiri ta’ saqqijiet, siġġijiet u materjal tal-iskola.