9 żgħażagħ isaħħu l-ħiliet biex jgħixu b’mod indipendenti

Disa’ żgħażagħ gradwaw mill-programm Stepping Out – servizz edukattiv offrut minn Equal Partners Foundation u sponsorjat minn Fundacion MAPFRE.

Il-programm kien immirat lejn żgħażagħ bejn l-età ta’ 14 u 20; diżabilità intellettwali, bil-
għan li dawn jitgħallmu ħiliet meħtieġa f’livell għola ta’edukazzjoni, fuq il-post tax-xogħol u għal għajxien indipendenti. L-edukaturi ffukaw ukoll fuq l-użu tal-flus, l-imġiba fit-triq, orjentazzjoni f’kuntesti differenti, l-użu ta’ kompjuters u media soċjali fost oħrajn.

Ġie organizzat wkoll live-in, fejn dawn il-parteċipanti kellhom iċ-ċans jgħixu l-bogħod mid-dar biex isaħħu ħiliet indipendenti. Matul il-programm, saret superviżjoni u diskussjoni b’mod regolari, biex b’hekk jiġi żgurat li dawn l-adoloxxenti japplikaw dawn il-ħilijiet fil-ħajja tagħhom ta’kuljum, u mhux biss waqt il-programmi.

Il-programmi huma mħejjija skond il-bżonn tal- individwal u t-taħriġ jingħata fil-komunità u fl-ambjent tas-soltu tal-individwu – fi djar, fl- iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol u rikreazzjoni. L-għan ta’ din l-organizzazzjoni hi li tgħin lil dawn l-individwi jgħixu ħajja independenti u li tippromwovi soċjeta inklussiva.

Il-Fundazzjoni MAPFRE hija organizzazzjoni fi ħdan MAPFRE li tgħin fi-proġetti soċjali
madwar id-dinja, nkluż f’pajjiżna. Matul dawn l-aħħar 10 snin, aktar minn 100 miljun persuna ibbenefikat mill-programmi tal-Fundazzjoni.