9 xhur mill-jum li jien tlift lil marti – Carmel Pace

Read in English.

Propju bħal-lum disa’ xhur, Miriam Pace, tilfet ħajjitha f’inċident traġiku wara li d-dar tagħha ġġarfet, meta hi kienet fiha, kawża ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir maġenba. Propju f’dan il-jum, ir-raġel tagħha Carmel Pace tella’ post fuq Facebook sabiex jibqa’ jfakkar din it-traġedja li l-familja tiegħu qed tibqa’ tgħix ta’ kuljum.

Pace qal li għaddew disa’ xhur mill-grajja tal-biża’ li kull membru tal-familja jixtieq li kienet biss ħolma kerha. Irrimarka li fit-2 ta’ Marzu, il-ħallieq ried warda sabiħa oħra fil-ġnien tiegħu. Hu tilef lil martu u wliedu sfaw iltiema minn ommhom. Ħutha tilfu lil oħthom iż-żgħira u ħafna tilfu ħabiba sinċiera. F’dak l-istess jum, hu tilef ukoll daru.

Pace sostna li din it-telfa kollha “ġrat b’kapriċċ ta’ ħaddieħor.” Hu rrimarka li “ħaddieħor” sarraf fi flus il-ħajja u s-serenità ta’ familja sħiħa, qed jittarrax għall-karba biex issir inkjesta pubblika, u waqa’ fil-muta biex jippubblika r-rapport li tlesta f’April.

“Kollox jintesa, kollox jgħaddi, billi waqgħet binja u ntilfet ħajja b’daqshekk x’ġara? Għal ħafna xejn għax ħajjithom ma ntnefsitx, u għadhom jagħnqu l-għeżież tagħhom meta jaslu d dar,” qal Pace.

Kompla billi sostna li hu u wliedu kull ma fadlilhom huma l-memorji jew li jiċċassaw lejn xi ritratt ta’ Miriam. Insista li din mhix ħolma. Għadu sal-lum jitkellem magħha kull meta jżur il-qabar tagħha. Sostna li meta jkellimha bħal donnu jistenna xi parir, risposta jew imqar id-daħka tagħha. Madanakollu, ħlief il-ħoss li jtarrax tal-ħemda ma jintemgħax.

Fl-aħħar xhur, il-familja ta’ Miriam Pace ngħaqdet mat-talba li saret għal inkjesta pubblika dwar l-istess inċident. F’nota, l-avukat tal-familja, David Bonello, qal li l-familja Pace qed tappoġġja s-sejħa għall-inkjesta pubblika u tistenna li jsiru t-taħdidiet u l-konsultazzjonijiet neċessarji mar-rappreżentanti legali tal-istess familja, Dr Joseph Giglio u Dr David Bonello, rigward il-kompożizzjoni tal-istess bord.

Miriam Pace tilfet ħajjitha traġikament fit-2 ta’ Marzu ta’ din is-sena. Dan wara li d-dar tagħha ġġarfet kawża ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir maġenba. Hi kienet fid-dar fil-ħin tat-tiġrif. Ir-raġel tagħha, Carmel Pace, tkellem kemm-il darba dwar kif ir-regħba tal-kostruzzjoni ħalliet lill-familja tiegħu mingħajr il-figura materna, filwaqt li tenna l-uġigħ u l-vojt li ħalliet warajha Miriam.