9 xhur ħabs għax inqabad b’7 grammi kannabis

Raġel ta’ 34 sena ġie mibgħut disa’ xhur ħabs u ntalab iħallas multa ta’ €600 għax instab ħati ta’ pussess ta’ seba’ grammi kannabis.

Jugoslav Damjanovic, mill-Bożnja, li joqgħod il-Belt Valletta, ġie mixli bil-pussess tal-kannabis li ma kinitx għall-użu personali tiegħu. Apparti dan, huwa nstab fis-sakra f’post pubbliku.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Priscilla Caruana Lee, spjegat li fuq ir-raġel instabu tmien pakketti żgħar u żewġ grinders, bil-kejl eżatt ta’ 7.3 grammi.

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, iddikjarat lill-akkużat ħati u kkundannatu għal disa’ xhur ħabs u multa ta’ €600. Ordnat ukoll li d-droga tinqered.