9 modi biex tidher isbaħ u tagħmel il-ħbieb

Mhux kulħadd hu mżejjen min-natura b’wiċċ ħelu u figura fantastika. Iżda min b’xi mod jew ieħor hu nieqes minn dawn il-kwalitajiet xorta waħda jista’ jidher aħjar u jagħmel ħbieb ma’ oħrajn jekk juża xi tricks li huma ppruvati b’mod  xjentifiku li jaħdmu fuq min ippruvahom.

1. Ikkultiva l-mod ta’ kif tagħti kas lil dawk li tiltaqa’ magħhom. Fi kliem ieħor, ħu ħsiebhom u ara li jkunu tajbin, kemm fiżikament u anki fl-ispirtu. 91 student li għamlu testijiet fejn taw aktar attenzjoni lil ħaddieħor sabu li b’dan il-mod kabbru ċ-ċirku tal-ħbieb.

2. Daħħak lil ta’ madwarek. Mhux għax taqa’ għar-redikolu imma billi jkollok sens tajjeb ta’ umoriżmu. Nisa li xi rġiel qalulhom ċajta kienu aktar lesti li joħorġu ma’ rġiel li rrakkuntaw iċ-ċajt. U rawhom ukoll aktar attraenti u intelliġenti.

3. Dawwar lilek innifsek bil-ħbieb u oħroġ magħhom. In-nies jidhru isbaħ meta jkunu fi grupp. Meta sar test fejn intwerew uċuh individwali u wċuh fi grupp, l-istess persuna individwali murija fil-grupp ġibdet ferm akar attenzjoni milli meta kienet waħedha.

4. Għid mill-ewwel dak li għandek tgħid. Ħafna mistoqsijiet żgħar fil-bidu jkunu jidhru qisek qed tagħmel hekk biex tkun taf fuq in-nies mentri meta tesprimi ruħek u tgħid dak kollu li tkun trid tgħid ma tkunx tidher li qed tagħmel hekk u ma tgerrrex lil ħadd.

5. Kun mexxej. Instab li dawk li huma mexxejja ta’ oħra, kemm jekk għaqdiet, partiti politiċi u gruppi, f’għajnejn l-oħrajn jidhru isbaħ u jkunu disposti li jagħmlu ħbieb ma’ dak li jkun. Tkunx imgerrex minn nies.

6. Jekk ikollok wiċċ ta’ ferħan ibqa’ ċert li se tiġbed lin-nies warajk. U aktar ma t-tbissima fuq wiċċek tkun kbira, aktar il-wiċċ jidher attraenti.

7. Rabbi kelb. Meta tkun sid ta’ kelb ikun sinjal ċar li tkun matur u lest li tieħu npenn fit-tul. Fl-istess waqt tagħmel lilek innifsek miftuħ għal oħrajn biex jiġu jkellmuk. Ħadd m’għandu joħodha bi kbira li xi ħadd għaddej b’kelb fit-triq ma jkunx jidher bniedem ferħan.

8. Uri ftit ħila fil-mużika. Meta persuna tagħmel mużika sabiħa, il-membru tas-sess l-ieħor jibda jaraha aktar simpatika. Esperiment li sar wera li n-nisa jinġibdu aktar lejn dawk l-irġiel li jikkomponu jew idoqqu mużika kumplessa minn dawk li jkollhom mużika sempliċi.

9. Ilbes l-aħmar. Din tgħodd għan-nisa għax kif uriet l-Università ta’ Rochester dawk in-nisa li jilbsu dan il-kulur aktar jiġbdu rġiel warajhom minn dawk li ma jilbsuhx. Anki meta nisa ma libsux l-aħmar imma kienu fuq sfond aħmar, il-ġibda għalihom kienet l-istess daqlikieku kienu libsin l-aħmar.