9 titjiriet tal-Air Malta jittardjaw biex jaslu Malta minħabba l-elettriku

Is-sigħat twal bla dawl ħallew impatt kbir mhux ħażin anke fuq it-titjiriet li kienu skedati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fl-istess waqt li nqata’ d-dawl, l-ajruport kellu problema fis-sistema tal-ġeneraturi u s-servizzi li jingħataw fir-runway kellhom jieqfu għal 25 minuta bejn id-9.30pm u l-9.55pm.
Sorsi qrib Newsbook.com.mt qalu li l-qtugħ fil-provvista tal-elettriku fl-ajruport seħħet minħabba li allegatament il-ġeneratur spiċċa mingħajr diesel, iżda kelliema għall-MIA ċaħdet dan.
Kawża tan-nuqqas ta’ elettriku, l-Air Malta kellha problema b’disa’ titjiriet. 
Żewġ titjiriet li kellhom jitilqu minn Malta għal San Pietruburgu u  Moska kellhom dewmien ta’ erbgħa sigħat u sagħtejn.
Erba’ titjiriet li kellhom jispiċċaw f’Malta kellhom jinżlu fl-ajruport ta’ Katanja u Palermo.  Titjira oħra li kellha titlaq minn Katanja baqgħet l-art għal sagħtejn u nofs.
Illum ukoll kien hemm dewmien f’żewġ titjiriet, waħda minn Ruma u l-oħra minn Hamburg.
Kull min se jsiefer hu mħeġġeġ jiċċekkja l-websajt tal- Malta International Airport għall-aħħar dettalji.