9% tat-turisti attendew il-festi fis-sajf tal-2019

9% tat-turisti li kellha Malta fis-sajf tas-sena li għaddiet, jiġifieri madwar 84,000 turist, attendew xi festa reliġjuża tradizzjonali.

Dan il-persentaġġ tatu l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli fil-Parlament, meta kienet mistoqsija mill-Membru Parlamentari Godfrey Farrugia dwar kemm-il turist iżur Malta biex jattendi l-Festival Internazzjonali tan-Nar li jsir kull sena. Hija ma kellhiex iċ-ċifri eżatti ta’ dan, peress li ma ssirx riċerka speċifikament fuq hekk.

Madankollu, il-Ministru spjegat kif stħarriġ li tagħmel l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu jindika li 49% tat-turisti li ġew Malta fl-2019 ġew għat-temp u l-kultura, 11% minnhom speċifikament għall-aspetti kulturali Maltin. B’hekk, 60% tat-turisti li żaru Malta fl-2019 tħajru jagħmlu dan minħabba l-kultura.

B’kollox fl-2019, 5.2% mit-turisti li kellha Malta fis-sena attendew il-festi reliġjużi tradizzjonali. Dan jammonta għal madwar 138,000 turist. L-ogħla persentaġġ minn dawn kien fis-sajf, b’9%, u fir-rebbiegħa b’5.3%. Fix-xitwa u l-ħarifa l-persentaġġi kienu aktar baxxi, peress li ma jsirux daqshekk festi f’dawn l-istaġuni xitwin.

Ara meta se jsiru l-festi din is-sena
Jitħabbru d-dati tal-festi

Apparti dan, il-festivals lokali wkoll attiraw lit-turisti s-sena li għaddiet, billi madwar 12% tat-turisti li żaru Malta attendew xi festival fis-sena. Dan ifisser li wieħed minn kull ħames turisti attenda festival fis-sajf, 18.6% tat-turisti li Malta kellha f’dan l-istaġun. Fix-xitwa 11.4% tat-turisti marru xi festival, fir-rebbiegħa 10.3% u fil-ħarifa 12.4%.

Din is-sena, il-festi, waħda mill-aktar tradizzjonijiet sajfin għal qalb il-Maltin, ħadu daqqa ta’ ħarta bil-pandemija tal-coronavirus, peress li dawn ma setgħux isiru kif isiru normalment. Iżda ladarba issa l-miżuri restrittivi li kienu ttieħdu minħabba l-virus tneħħew kważi kollha, l-Arċidjoċesi ta’ Malta ħabbret meta dawn jistgħu jsiru. L-ajruport fetaħ din il-ġimgħa, propju nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Lulju, jiġifieri t-turisti issa jistgħu jżuru dawn il-festi mill-ġdid ukoll.