9 snin biex jieħu ċ-ċittadinanza Maltija

Barrani, li d-dettalji dwaru ma ġewx ippubblikati, dam disa’ snin biex ħa ċ-ċittadinanza Maltija wara li żżewweġ Maltija fl-2008.
Il-liġijiet ta’ Malta jistipulaw li jekk tiżżewweġ Malti jew Maltija tkun intitolat għaċ-ċittadinanza Maltija wara ħames snin.
Il-barrani kien applika biex jingħata ċ-ċittadinanza Maltija f'Lulju 2013, ħames snin wara li żżewweġ, iżda lejn l-aħħar tal-2016, baqa' ma ingħata l-ebda risposta mingħand Identity Malta.
Bl-involviment tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, ir-raġel irċieva ċ-ċertifikat taċ-ċittadinanza aktar kmieni s-sena l-oħra, erba’ snin wara ż-żmien stipulat bil-liġi.
Dan il-każ ħareġ fil-ġabra ta' Każijiet fil-Qosor li l-Ombudsman Parlamentari ppreżenta lill-Ispeaker Anġlu Farrugia l-Erbgħa li għaddiet.