9 postijiet ta’ edukatur vakanti fl-iskejjel tal-istat

Miguela Xuereb

Bħalissa hemm total ta’ 9 postijiet ta’ edukatur vakanti fl-iskejjel tal-istat Maltin, stqarret il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.

Fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-edukazzjoni Clyde Puli, Caruana kkonfermat li “f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji li fihom infetħu l-iskejjel b’numru ta’ miżuri restrittivi,” ma kien hemm l-ebda post vakanti fl-iskejjel primarji.

Kien hemm tlett postijiet vakanti fl-iskejjel medji, li jinkludu żewġ pożizzjonijiet għal għalliema tal-Ingliż u oħra għal għalliema tal-istorja. Sitt vakanzi oħra jikkonċernaw skejjel sekondarji, fejn hemm bżonn żewġ għalliema tal-fiżika, tnejn oħra tal-Ingliż u għalliema tal-matematika u tal-inġinerija.

Il-post vakanti għal għalliema tal-inġinerija hu l-unika post vakanti fis-suġġett vokazzjonali, żiedet tgħid Caruana.

Puli staqsa wkoll kemm mill-postijiet vakanti huma mimlija b’supply teachers, però Caruana talbet kjarifika fuq din il-mistoqsija.