9 miżuri li bihom il-Gvern se jgħin lill-familji

Ritratt: Unsplash

Il-Gvern illejla ħabbar allokazzjoni ta’ €900 miljun għall-inċentivi għall-familji u negozji affettwati mill-pandemija tal-coronavirus. Dawn huma wħud mill-inċentivi li se jibbenefikaw minnhom il-familji Maltin u Għawdxin imħabbra f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela, mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri:

  • Il-fuel se jorħos b’7 ċenteżmi minn nhar it-Tnejn: Il-prezz tal-petrol jinżel għal €1.34 u l-prezz tad-diesel ikun ta’ €1.21. It-tnaqqis se jkun mis-sisa.
  • €100 f’vawċers lil kull persuna li għandha minn 16-il sena ‘l fuq u tgħix Malta. Se jinħarġu vawċers ta’ €20 b’total ta’ €100: €80 għall-konsum fil-lukandi, fir-restoranti u f’bars; €20 oħra għall-ħwienet li kienu magħluqin waqt il-pandemija.
  • Fil-jiem li ġejjin jintbagħat iċ-ċekk ta’ kull sena lill-ħaddiema kollha: 210,000 ħaddiem se jirċievu bejniethom €11.5 miljun. Fuq medda ta’ tliet snin il-ħaddiema rċevew €35 miljun.  
  • Tnaqqis fir-rata tal-boll fil-bejgħ u x-xiri ta’ proprjetà: Dan japplika għal dawk li se jiffirmaw il-kuntratt, u li jinkludu lil dawk li diġà għamlu konvenju. Min jixtri proprjetà li tiswa inqas minn €400,000 se jħallas 1.5% minflok 5%, filwaqt li min ibigħ se jħallas 5% minflok 8%. Dan l-inċentiv se jibqa’ jgħodd sal-aħħar ta’ Marzu 2021 u se jiswa €32 miljun.
  • L-iskema tal-first time buyers: Se jsir aġġustament ta’ kif titħaddem il-miżura. Min diġà għandu proprjetà fuq ismu se jkun jista’ japplika xorta għal din l-iskema. Il-ħsieb huwa li dan l-inċentiv jibqa’ fis-seħħ b’mod permanenti.
  • Tiġijiet:  Min kellu jipposponi t-tieġ se jingħata rifużjoni sa €2,000 għall-ispejjeż li jkun għamel. Għal din l-iskema hemm allokat €2 miljun.
  • In-work benefits:   Se jiżdiedu l-familji li se jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju, se jiżdied l-ammont għal kull wild u se tingħata għotja ta’ €250 lil kull familja. Din l-għotja ta’ €250 mhix abbinata man-numru ta’ tfal.
  • Fond ta’ €3 miljun f’għajnuna għall-Għaqdiet Volontarji
  • Fond ta’ €2 miljun għad-djar tal-anzjani:   Dawk id-djar tal-anzjani li għamlu lockdown għall-ħaddiema tagħhom u għaldaqstant kellhom aktar spejjeż f’pagi se jiġu mgħejjuna mill-Gvern b’dan il-fond.

Il-Gvern spjega li dawn l-inċentivi għandhom l-għan li jżommu n-negozju għaddej minħabba tnaqqis fid-domanda u li jħajru n-nies jerġgħu jikkunsmaw.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn