​9 minn kull 10 residenzi bl-ismart meters il-ġodda

L-Enemalta qed tħeġġeġ lill-konsumaturi li għad baqagħlhom xi meter tad-dawl antik sabiex jaqilbu għall-ismart meters il-ġodda.
Intqal li l-proġett biex tiddaħħal is-sistema l-ġdida tal-ismart meters wasal fl-aħħar fażi tiegħu hekk kif 87% tal-meters tad-dawl huma mqabbda mas-sistema l-ġdida. Il-kumplament mistennija jinbidlu fix-xhur li ġejjin.
Konsumaturi li għad baqagħlhom xi meter tad-dawl antik imwaħħal f’xi bini residenzjali jew kummerċjali qed jintalbu jikkuntattjaw lill-Enemalta mill-aktar fis.
Ħafna minn dawn il-konsumaturi diġà rċevew notifika biex jinbidlilhom il-meter, madankollu ma jkunux għadhom taw aċċess lill-Enemalta biex jitwaħħal il-meter il-ġdid.
Bl-użu tas-sistema tal-ismart meters, il-qari attwali tal-konsum tal-elettriku jibda jintbagħat awtomatikament lis-sistema tal-kontijiet mingħajr ma jkun hemm bżonn li jinqara minn fuq il-post.