9 itfal taħt l-4 snin taħt ordni ta’ ħarsien

F’Malta bħalissa hemm disat itfal, ta’ età taħt l-4 snin, li jinsabu taħt ordni ta’ ħarsien (care order) u li qed jgħixu fi djar residenzjali.
Il-Ministru tal-Familja Michael Farrugia qal dan fil-Parlament fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.
Spjega li l-Gvern jagħmel l-almu tiegħu biex it-tfal ikunu protetti bl-aħjar mod possibbli u waqt li jemmen li l-familja għandha tkun l-ewwel għażla, hemm ċirkustanzi fejn ma jkunx fl-aħjar interess tagħhom li jibqgħu jgħixu mal-familja naturali tagħhom.
F’dan il-każ, spjega, l-ewwel għażla tkun li t-tfal jibqgħu jgħixu xorta f’ambjent ta’ familja u hu għalhekk li ħaddiema tal-Aġenzija Appoġġ ikunu sikwit fuq il-midja biex iħajru iktar familji jagħmlu fostering.
Spjega li l-ħaddiema soċjali jaħdmu ħafna mal-familji li joffru s-servizz ta’ fostering u jipprovdulhom l-appoġġ meħtieġ biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb lit-tfal afdati lilhom bl-aħjar mod possibli. Insista li irrispettivament minn fejn jitpoġġew it-tfal, l-Aġenzija Appoġġ dejjem tfittex li tassigura li t-tfal ikunu fl-aħjar post fl-aħjar interess tagħhom.