Disgħa inqatlu filwaqt li hemm mal-ħamsin midruba hekk kif ferrovija ta’ veloċità qawwija ħabtet u baqgħet dieħla fuq il-pjattaforma u l-pont li fuqu jimxu n-nies fis-subborgi ta’ Ankara fit-Turkija.
Il-ħaddiema tas-salvataġġ ħadmu bla waqfien biex joħorġu lin-nies minn taħt it-tifrik fl-istazzjon ta’ Marsandiz li jinsab madwar 8km il-bogħod miċ-ċentru ta’ Ankara. Għadu mhux magħruf b’liema veloċità kienet għaddejja il-ferrovija. Jidher li kien hemm ftit borra fuq il-linji tal-ferrovija.
Il-ferrovija kienet sejra minn Ankara lejn il-provinċja ta’ Konya u ma kinitx skedata li tieqaf f’Marsandiz.
Tliet xufiera tal-ferrovija kienu fost id-disgħa li nqatlu skont il-Ministru tat-Trasport Cahit Turhan.
B’kollox kien hemm 206 passiġġier fuq il-ferrovija ta’ veloċità għolja.
Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat, Anadolu, l-uffiċċju tal-prosektur f’Ankara fetaħ investigazzjoni.
Fit-Turkija ġew żviluppati numru ta’ konnessjonijiet ta’ ferroviji b’veloċità qawwija biex titaffa l-problema tat-traffiku.