9 ħaddiema jgiddbu ‘attakk vili’ kontra Casa

Disa’ impjegati tal-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa giddbu għal kollox u ddeskrivew bħala ‘attakk vili’ rapport fl-ewwel paġna tal-gazzetta Malta Today, li jallega li Casa kien jieħu d-droga. Ir-rapport tal-Malta Today huwa bbażat fuq dak li l-gazzetta ddeskriviet bħala stqarrija ġuramentata ta’ eks-impjegat ta’ Casa li ismu baqa’ mistur.

Mill-banda l-oħra, disa’ impjegati ta’ Casa wrew isimhom fl-istqarrija li ħarġu biex qalu li huma dejjem raw imġiba professjonali, eżemplari u dedikata mill-MEP Nazzjonalista. Żiedu jgħidu li huwa minħabba f’hekk li ħadmu miegħu.

Skont ir-rapport ta’ Malta Today meta Casa kien jieħu d-drogi kien ikun imdawwar minn ħbieb u impjegati. Id-disa’ impjegati li ċaħdu dan kollu mhux biss qalu li qatt ma raw xejn minn dan iżda żiedu jgħidu li dawn l-akkużi kienu parti minn attakk sistematiku vili kontra Casa.

Il-gazzetta Malta Today fir-rapport tagħha mkien ma kitbet li huma vverifikaw l-istorja tagħhom ma sorsi oħra, minbarra l-persuna li qalu għamel id-dikjarazzjoni ġuramentata.

Anke David Casa ċaħad bil-qawwa kollha l-akkużi kontra tiegħu li ddeskrivihom bħala allegazzjonijiet oxxeni.  Huwa qal li s-sors tal-allegazzjoni huwa eks-impjegat li għamel djun kbar minħabba l-vizzju tal-logħob u li kellu jissellef mingħand nies perikolużi biex iħallas id-dejn.

Huwa żied jgħid li dan l-aħħar, dan l-impjegat kien ikun fil-kumpanija ta’ strateġisti tal-Gvern u li kien qed jistenna li minn ħin għal ieħor toħroġ xi allegazzjoni ‘biżarra u oxxena’ kontra tiegħu.

Casa qal li huwa lest li jagħmel testijiet li jikxfu jekk xi ħadd jiħux id-droga u lest li jagħmilhom regolarment jekk il-membri tal-Grupp Parlamentari Laburista jagħmlu l-istess.