9 fl-ITU minħabba l-Covid-19; Tnejn taħt il-45 sena

Beppe Galea

Read in English.

Fis-sala tal-kura intensiva fl-Isptar Mater Dei hemm żewġ pazjenti li għandhom bejn 35 u 45 sena filwaqt li t-total ta’ pazjenti fl-ITU bil-coronavirus issa żdiedu għal 9.

Il-Konsulent tas-Saħħa Pubblika Dr Tanya Mellilo żvelat dan f’edizzjoni speċjali tal-programm Newsbook Q&A mtella’ mill-Editor-in-Chief Sylvana Debono u minn Fr Joe Borg.

Fl-istess intervista, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika ta’ Malta (MAM) Dr Martin Balzan qal li n-numru ta’ pazjenti fil-kura intensiva tela’ għal disa’ wara li lbieraħ is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li kien hemm sitt pazjenti.

Kemm Dr Mellilo kif ukoll Dr Balzan ġew intervistati wara li illum ġie rreġistrat rekord ġdid ta’ infezzjonijiet f’ġurnata waħda bit-total ikun ta’ 204 każi.

Fl-istess ġurnata tkellmu għadd ta’ rappreżentanti ta’ professjonisti differenti fosthom l-MUT u l-MUMN. Il-unjin tal-infermiera u l-qwiebel (MUMN) wissiet li m’hemmx biżżejjed infermiera biex jassisstu lill-pazjenti li jidħlu fl-ITU jekk is-sodod jiżdiedu għall-ammonti li qed jissemmew fil-midja. L-istess sentiment kien rifless ukoll fl-intervista ma’ Dr Martin Balzan li f’isem it-tobba qal li ma hemmx biżżejjed anestetisti biex jagħmlu t-trattament neċessarju għall-pazjenti li jkunu fl-ITU.

L-unjin tal-għalliema, l-MUT, saħqet biex il-Gvern jippubblika l-protokolli ta’ kif għandhom jingħalqu l-iskejjel f’każ li jinstabu każijiet pożittivi.