9 familji ilhom fl-appartamenti ta’ Puttinu għal iktar minn 6 xhur

Bħalissa fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares f’Sutton hemm disa’ familji li ilhom ir-Renju Unit għal iktar minn sitt xhur.
Il-Fondazzjoni li taħdem ma’ persuni morda bil-kanċer spjegat kif dawn kellhom jieqfu mix-xogħol tagħhom biex ikomplu jieħdu t-trattament barra minn Malta.
Qalet li Puttinu Cares iħallas mhux biss għall-appartament, imma għas-servizzi kollha fosthom dawl, ilma, central heating, internet, televixin, gass, manutenzjoni u taxxi tal-kunsill lokali.
Kieku l-pazjenti u l-familjari tagħhom kellhom iħallsu għal dawn l-ispejjeż huma, l-ispiża kienet tkun ta’ ‘l fuq minn €10,000 għal kull familja.
Il-Fondazzjoni rringrazzjat lil dawk kollha li matul is-sena għinu lil Puttinu bil-għan li tittaffa t-tbatija ta’ dawn il-pazjenti.
L-attività li jmiss b’risq Puttinu Cares hija l-kunċert ta’ Winter Moods f’Forti Sant Iermu l-Belt Valletta, nhar is-Sibt li ġej.