9 attrazzjonijiet ta’ Heritage Malta jirċievu l-2020 Travellers’ Choice Awards

Read in English.

Disa’ attrazzjonijiet ta’ Heritage Malta rċevew l-2020 Travellers’ Choice Award mingħand Tripadvisor b’rikonixximent għas-servizz eċċellenti u ta’ kwalità tagħhom. Dawn ir-riżultati ġew ibbażati fuq il-kwalità u l-kwantità ta’ miljuni ta’ kummenti, opinjonijiet u klassifikazzjonijiet li nġabru fl-2019 minn Tripadvisor, qabel seħħet il-pandemija tal-COVID-19.

L-attrazzjonijiet ta’ Heritage Malta li rċevew dan l-unur prestiġġjuż huma: it-tempji megalitiċi ta’ Ħaġar Qim u l-Ġgantija, l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, il-Katakombi ta’ San Pawl, il-Forti Sant’Anġlu u l-Forti Sant’Iermu (inkluż il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra), il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, l-Armerija tal-Palazz u l-Mitħna ta’ Kola.

Dan ir-rikonoxximent jifforma parti mill-isforz kontinwu ta’ Tripadvisor, li huwa l-akbar pjattaforma tal-ivjaġġar fid-dinja, biex jappoġġja l-irkupru tat-turiżmu u tal-industrija tal-ospitalità, wara d-diffikultajiet li ġew esperjenzati kawża tal-pandemija tal-COVID-19.

Skont Tripadvisor, permezz ta’ dan il-programm, il-vjaġġaturi jibbenefikaw minn esperjenzi reali ta’ nies oħra biex ikunu jistgħu jippjanaw l-aqwa vjaġġ għalihom skont il-ħtiġijiet, il-baġit u l-istil tagħhom. Ir-rebbieħa tat-Travellers’ Choice Awards jirċievu kummenti tajbin regolarment mill-vjaġġaturi u huma kklassifikati fl-aqwa 10% tas-siti li jidhru fuq Tripadvisor.

“Meta nikkunsidraw kemm kienet iebsa dis-sena għall-industrija tagħna, aħbar bħal din tinkoraġġina biex nisħqu aktar ħalli nassiguraw l-aqwa servizz lill-viżitaturi tagħna. Aħna għandna passjoni kbira lejn il-wirt kulturali ta’ pajjiżna u dawn l-għoti jirriflettu l-għan tagħna li neċċellaw f’dak kollu li nagħmlu,” stqarr Noel Zammit, CEO ta’ Heritage Malta.