9 arrestati fuq suspett ta’ traffikar ta’ persuni

Ġew arrestati disa' persuni, Maltin u barranin dwar allegat traffikar tal-bnedmin.
Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Sigurtà Nazzjonali u s-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza qalu li lbieraħ infetħet inkjesta maġisterjali sabiex tisma' x-xhieda ta' 14-il persuna, potenzjalment vittmi ta' traffikar uman. 
Żiedu jgħidu li l-każ ġie rrappurtat lill-Pulizija wara riċerka intensiva minn Identity Malta, li ftit tax-xhur ilu bdiet ħidma biex tkisser iċ-ċrieki ta' traffikar uman. 
Fost l-oħrajn bdiet eżerċizzju fuq applikazzjonijiet għall-permessi ta’ residenza u xogħol minn persuni minn barra l-Unjoni Ewropea. L-applikazzjonijiet kienu sottomessi minn imprendituri lokali sabiex jimlew postijiet tax-xogħol f’diversi setturi, b’mod speċjali fil-qasam tat-tindif.
Ir-riċerka sabet li 14-il persuna Asjatika, li jaħdmu mal-istess kumpanija f’Malta, setgħu kienu vittma ta’ traffikar uman. Skont l-istqarrija, l-istess riċerka tat biżżejjed evidenza lill-Pulizija sabiex tieħu l-każ quddiem il-Qorti.
Filwaqt li kien iddikjarat li ħadd mill-persuni arrestati ma hu relatat, jew jaħdem ma’ Identity Malta, f’dan l-istadju, mhux eskluż li tinġabar aktar evidenza minn aktar ħaddiema barranin li jaħdmu mal-istess kumpanija sabiex tintuża fl-istess investigazzjoni.
L-istqarrija tgħid ukoll li jekk dawn il-persuni jiġu kkonfermati bħala vittmi ta’ traffikar uman, se jingħataw il-protezzjoni u l-għajnuna meħtieġa skont il-Leġislazzjoni Sussidjarja 217.07.