9 arrestati dwar traffikar ta’ droga

Disa’ persuni ġew arrestati f'Ħal Qormi wara li nstabitilhom id-droga kokaina flimkien ma’ numru ta’ oġġetti li juru li kien hemm involut ukoll traffikar.
It-tmien irġiel u mara, li l-età tagħhom tvarja bejn it-30 u s-62 sena ġew arrestati mill-Pulizija wara li fil-vetturi tal-persuni kif ukoll fil-garaxx instabet ammont ta’ droga suspettata kokaina lesta għat-traffikar, mwieżen elettroniċi, diversi qratas bi trab abjad allegatament kokaina u oġġetti oħra li jintużaw fl-abbuż u l-bejgħ tal-istess sustanza.
Minbarra d-droga nstabu wkoll żewġ armi tan-nar mhux liċenzjati u mat- €3,000 fif lus kontanti.
Id-disa’ persuni nqabdu wara diversi ġimgħat t’osservazzjoni mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u l-Ispecial Intervention Unit.
Fi stqarrija, il-Pulizija spjegaw li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejja u mhux eskluż li jittressqu xi persuni l-Qorti fis-sigħat li ġejjin.
Sadanittant, skont sorsi ta' Newsbook.com.mt, l-arrest sar fi Triq il-Mejjilla, triq wara l-għassa ta Ħal Qormi. 
Jidher li fit-triq kien hemm ċerta attività mhux tas-soltu qabel ma marru l-Pulizija għall- arrest.