9 affarijiet li qed jgħid Chris Fearne dwar il-vaċċin tal-influwenza

“Riċetta għal problemi kbar” – Fearne dwar l-influwenza u l-Covid-19 fl-istess staġun

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fakkar li din hi l-ewwel darba li “se nidħlu f’xitwa bl-influwenza u bil-Covid-19”. Iddeskriviha bħala “riċetta għal problemi kbar”.

Waqt Newsbook Q&A, intervistat minn Fr Joe Borg, Chris Fearne saħaq dwar l-importanza, li wieħed jieħu l-vaċċin tal-influwenza biex jipprevjeni li jaqbduh f’salt l-influwenza u l-coronavirus “għax jispiċċa agħar”. “Mhux għax taqbdek waħda, ma tistax taqbdek l-oħra”.

Xi spikka iktar milli qal Fearne dwar il-vaċċin tal-influwenza?

  • Il-vaċċin joffri immunità għall-influwenza għal ftit xhur. Il-mikrobu jvarja minn sena għal oħra u l-vaċċin jinbidel.
  • Is-soltu l-Gvern jordna 100,000 vaċċin, din is-sena ordna 200,000 bil-għan li jkun hemm ftit nies li jkollhom l-influwenza u l-Covid-19 f’daqqa.
  • Il-vaċċin b’xejn se jibda jingħata minn nhar il-Ħadd li ġej. Kulħadd għandu jieħu miegħu l-maskra u l-karta tal-identità.
  • Fl-ewwel tliet ġimgħat, sal-aħħar ta’ Ottubru, se jingħataw prijorità a) lill-persuni vulnerabbli: dawk ‘il fuq minn 55 sena, nies li għandhom mard kroniku, tfal bejn sitt xhur u ħames snin b) il-frontliners kollha: tobba, infermiera, spiżjara, pulizija eċċ.
  • Tista’ tmur fiċ-ċentri kollha tas-saħħa bejn l-10am u s-7pm, minn nhar il-Ħadd sa Marzu
  • Se toħroġ skeda kull ġimgħa dwar fejn se kun qed tingħata t-tilqima f’kull belt u raħal
  • Klinika li timxi: Din se tkun qed taħdem abbażi ta’ skeda u tmur l-università, l-MCAST, fabbriki u postijiet oħra.
  • Tista’ tieħu t-tilqima b’xejn għand it-tabib tal-familja, tħallas biss tal-vista.